Il-Ħadd filgħodu il-ħaddiema tat-tifi tan-nar tal-Protezzjoni Ċivili u l-esperti tal-ispluzziv tal-Forzi Armati ta’ Malta mistennija jidħlu fis-sit fejn Ilbieraħ sehhet l-isplużjoni tal-kamra tan-nar 15 t’Awwissu fid-Dwejra, limiti tal-Mosta.
Minħabba l-perikli kbar li kien hemm fis-sit anki minħabba materjal spluzziv u murtali li kienu għadhom ma ħadux, marul il-ġurnata tas-Sibt il-ħaddiema tas-salvataġġ daħlu biss fis-sit biex biex jevakwaw kelb li kien għadu hemm u biex jevalwaw is-sitwazzjoni. Dan sar wara li saret titjira mjnn drone speċjalizzat tal-Protezzjoni Ċivili.
Aktar tard matul il-lejl instemgħu għadd ta’ splużjonijiet oħra mis-sit fejn seħħ l-inċident li fortunatament fih ħadd mill-ħdax -il volontier ma ġarrab ġrieħi serju relatati mal-ħruq li kien hemm u l-isplużjonijiet. Filfatt kelliem tal-Pulizija kkonferma li l-ġrieħi kollha li sofrew ġraw waqt l-evakwazzjoni mill-post.
Ritratt ppublikat fuq il-midja soċjali wera li minkejja l-ħsarat kbar li ġarrab dan il-kumpless tan-nar, niċċa tal-Madonna baqgħet sħiħa.
Esperti tal-piroteknika kkumentaw li l-fatt li minħabba l-isplużjoni ħadd ma weġġa serjament turi l-fatt kemm l-investiment li sar fil-kmamar tan-nar rendihom f’kumplessi aktar siguri.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali bil-għan li jiġu determinati l-fatti kollha wara dan l-inċident.