Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamel sessjoni ta’ taħriġ ta’ evakwazzjoni u salvataġġ fil-Gżira bħala parti minn simulazzjoni f’każ li tinqala’ emerġenza f’bini għoli. F’dan l-eżerċizzju kienu ttestjati l-proċeduri operattivi tad-dipartiment kif ukoll il-komunikazzjoni bejn entitajiet tal-forzi tal-ordni. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jippromwovi t-tħejjija għal emerġenzi li jistgħu jinqalgħu hekk kif il-bini għoli madwar il-pajjiż qed jiżdied.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, spjega li l-bini għoli jġib miegħu sfidi ġodda mill-aspett ta’ sigurtà. Allura d-dipartiment irid jadatta għal din ir-realtà ġdida sabiex ikun jista’ jwieġeb għal dawn it-tip ta’ sejħiet ġodda. Għal din ir-raġuni, fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent biex tissaħħaħ il-flotta tal-Protezzjoni Ċivili, inkluż ix-xiri ta’ trakkijiet apposta li jlaħħqu l-għoli ta’ 32 metru b’investiment ta’ €700,000 kull wieħed.
Huwa sostna li sa issa, aktar minn 90 ħaddiem ingħataw taħriġ speċjalizzat b’rabta ma’ emerġenzi li jinqalgħu f’bini għoli. Dan qed isir bħala parti mill-pjan tad-dipartiment sabiex jiġu żviluppati aktar il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema tiegħu.
Is-Sur Psaila rringrazzja lill-entitajiet li kienu involuti fl-operazzjoni fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, LESA, Transport Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa.
Ritratti: MHSE