Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ser jiżdiedulu r-responsabbiltajiet tiegħu hekk kif il-kabinett iddeċieda li dan id-Dipartiment ikun responsabbli mir-regolizazzjoni u l-leġiżlazzjoni tan-nar f’pajjizna u b’hekk ser ikun qed isservi ta’ awtorità u kif ukoll jieħu ħsieb is-sigurtà fl-attivitajiet pubbliċi u tal-massa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt it-tieni sessjoni ta’ Gvern li Jisma’.
Il-Ministru Abela qal li jixtieq jara titjieb fuq tliet oqsma fil-korpi dixxiplinati – kundizzjonijiet, amministrazzjoni u li jħarrsu lejn ix-xogħol bħala karriera dan għaliex iżid il-motivazzjoni. Huwa tkellem b’mod partikolari lejn it-taħrig tal-membri tal-Korpi Dixxiplinati fosthom l-akkademja li ser tkun qed tilqa’ fiha t-taħriġ tal-membri kollha tal-Korpi Dixxiplinati.
Dan it-taħriġ għandu jkun imfassal sew u akkreditat dan jissarraf għall-opportunitajiet oħra ta’ xogħol wara li jtemmu s-servizz tagħhom fil-korp rispettiv tagħhom. Dan it-taħrig mistenni jwassal biex il-membri tal-korpi jkunu jistgħu jużaw it-taħrig biex javvanzaw fil-karriera taghhom.