B’investiment ta’ miljun ewro minn fondi kapitali, il-Protezzjoni Ċivili issa hija mgħammra b’dinghy li jintuża f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u vettura mgħammra bl-aħħar teknoloġija. Dan l-investiment kien imniedi mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif permezz ta’ fond nazzjonali l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu sabiex jinvesti kemm jiflaħ fis-sigurtà tal-pajjiż.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila stqarr kif l-opra tal-barra ser tkun qed tagħmilha iżjed possibli li l-ħaddiema tas-salvataġġ jilħqu persuna li tkun fil-periklu iżjed malajr. Dan filwaqt li l-vettura tat-tip ‘Scorpion truck’ ser tkun qed tħaffef ix-xogħol għall-ħaddiema tad-dipartiment.
Huwa stqarr: “Qegħdin insaħħu u nissalvagwardjaw is-saħħa tal-ħaddiema tagħna, dan għaliex il-makkinarju li għandha din il-vettura, tista’ tippenetra ġewwa fabbrika, ġewwa garaxx, illi jkun qiegħed jaqbad, mingħajr ma titfa’ lin-nies tagħna stess fil-periklu u tkun qiegħed tbaxxi it-temperatura qabel in-nies tagħna jibdew jaħdmu.”
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan huwa investiment ieħor qawwi fid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara investiment ieħor ta’ miljun ewro li sar f’Settembru li għadda.
Il-Ministru Camilleri qal, “L-għan tiegħu huwa li l-protezzjoni ċivili tkompli toffri protezzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi. Bħala Gvern kommessi illi nkomplu nagħmlu investiment bla preċedent fil-forzi dixxiplinati tagħna.”