Fi stqarrija maħruġa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili appella biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa fejn jidħol in-nar b’mod partikolari f’dawn ix-xhur tas-sajf.
Dan filwaqt li ngħata elenku kif fl-aħħar sigħat fi tlett każijiet differenti bl-ewwel wieħed kien meta żviluppaw nirien fuq bastiment sorġut fil-Marsa, li wasslu għal dħaħen perikolużi, t-tieni f’nirien li żviluppaw f’Wied Fulija ż-Żurrieq u grass fires li żviluppaw matul il-lejl f’San Ġwann.
Intqal, kif in-nirien fix-shipyard privata fil-Marsa kienu kkontrollati fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu minn 30 pumpier, f’operazzjoni li matulha ntużaw 10 vetturi u lanċa. Il-pumpiera mlew il-bastiment bil-foam biex jeqirdu kemm jista’ jkun id-dħaħen tossiċi. L-operazzjoni kienet maħduma b’suċċess ukoll f’temperaturi għolja li bħalissa qed tesperjenza Malta.
Dan filwaqt li ntqal kif b’rabta mal-każ f’Wied Fulija, fejn in-nirien kienu aggravati bir-riħ u t-temperaturi għolja, infetħet inkjesta maġisterjali. Dawn in-nirien kienu mifruxa fuq medda ta’ daqs ta’ żewġ grounds tal-football ta’ ħaxix niexef li kkawża grass fires.
Il-grass fires f’San Ġwann kienu mitfija f’qasir ħin.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili stqarr kif qed jibqa’ jissokta b’investimenti varji biex kemm jista’ jkun jibqa’ ppreparat għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza varji, iżda appella għall-kawtela u l-attenzjoni tal-pubbliku.
Intqal kif kulħadd għandu jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa fejn jidħol in-nar, speċjalment f’żoni suxxettibbli li jiżviluppaw fihom nirien, kawża anke tal-elementi naturali u tal-ħaxix niexef matul ix-xhur tas-sajf.