Il-protesti fil-Georgia daħlu fit-tlettax-il jum tagħhom minkejja l-arresti u l-attakki vjolenti kontra l-attivisti u dawk kollha li qed jappoġjawhom.
Dimostranti inġabru quddiem il-bini tal-Parlament fi Tbilisi, t-Tlieta filwaqt li mblukkaw it-triq. Il-pulizija ġabru ammont kbir ta’ persuni hekk kif qed jippruvaw jikkontrollaw dawn il-protesti li dejjem qed jintensifikaw.
Il-partit fil-gvern Georgian Dream żamm il-kontroll tal-parlament fl-elezzjoni kkontestata tas-26 t’Ottubru, vot li ħafna qisuh bħala referendum dwar l-aspirazzjonijiet tal-Georgia għall-Unjoni Ewropea.
L-oppożizzjoni u l-president favur il-Punent Salome Zourabichvili, akkużaw lill-partit fil-gvern li kien babas il-vot bl-għajnuna tar-Russi u għalhekk ibbojkotjaw is-sessjonijiet tal-Parlament.
Il-protesti tal-Oppożizzjoni intensifikaw wara d-deċiżjoni ta’ Georgian Dream, il-Ħamis li għadda, sabiex jissospendi t-taħdidiet għad-dħul tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Aktar minn tliet mitt dimostrant inġabru mill-pulizija u aktar minn mitt persuna ġew ittrattati għall-ġrieħi li ġarrbu.
Tbilisi kienet formalment applikat għal sħubija fl-Unjoni Ewropea f’Marzu 2022 wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Huma kienu ingħataw l-istatus ta’ kandidat għall-UE f’Diċembru tas-sena ta’ wara fejn ħafna ċittadini ħarġu jiċċelebraw fit-toroq tal-kapitali.
Id-dimostranti qed jiddikjaraw li se jkomplu jipprotestaw kontra l-inġustizzja sa kemm it-talbiet tagħhom ikunu milqugħa.