Sigħat wara l-istħarriġ tat-Times, li wera kif il-Prim Ministru żied il-fiduċja filwaqt li Bernard Grech naqqas, esponenta tal-għaqda Repubblika, Occupy Justice u ta’ Manuel Delia qalet li t-Tlieta se ssir protesta l-Belt biex jonqos id-distakk bejn iż-żewġ mexxejja.
“Aħseb u ara kieku nniżlu n-nies fit-toroq, kemm jonqos iżjed id-distakk”, saħqet fi grupp ristrett ta’ sostenituri tal-Partit Nazzjonalista.
Ir-rabta tar-Repubblika u l-Occupy Justice mal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech kompliet toħroġ fid-deher fl-aħħar ġimgħat, anki wara l-laqgħa bejn it-tmexxija Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika biex tiġi diskussa strateġija politika.
Il-protesta, li suppost se tipprotesta fuq materjal qarrieq fuq l-internet li ttella’ f’isem għadd ta’ persuni, ġiet imbuttata wkoll minn Jason Azzopardi d-Deputat li kien ħareġ bil-Blue Heroes.
Fl-aħħar jiem, meta Adrian Delia reġa’ kien taħt attakk, fejn saħansitra tar-Repubblika talbu għar-riżenja tiegħu fuq allegazzjonijiet ġodda li kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar 17 Black, il-kandidat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg ħareġ jitlob lit-tmexxija Nazzjonalista biex tiddistakka ruħha minn għaqdiet bħar-Repubblika u l-Occupy Justice.
Għal dan, Borg ġie mgħajjar faxxist minn ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Borg huwa kandidat fuq it-tlettax-il distrett u meqjus bħala theddida għal Chris Said, id-Deputat li ħadem il-kampanja ta’ Bernard Grech biex sar Kap.