Fl-aħħar xhur f’diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jirranka l-inkwiet tal-familji dwar il-housing. L-aħħar Ewrobarometru indika li, f’numru ta’ pajjiżi, din saret l-aktar kwistjoni li qed iddejjaq lin-nies.
Pereżempju, 61% tal-Irlandiżi jaraw din bħala l-akbar sfida f’pajjiżhom, waqt li fil-Lussemburgu din il-kwistjoni tinkwieta lil 56% ta’ dawk li ġew intervistati.
Fl-Olanda kważi terz tal-familji huma mħassbin serjament fuq hekk, waqt li fil-Portugall, il-Ġermanja u Spanja l-proporzjon hu ta’ wieħed minn kull sitt persuni.
F’Malta din ir-rata hi ta’ 9%, inqas mill-medja Ewropea u b’tendenza li qed tkompli tonqos.
Irrappurtat propju dwar dan il-gazzetta KullĦadd hekk kif spjegat li dan qed iseħħ għax, madwar l-Ewropa, l-imgħax li jħallsu dawk li jieħdu self mill-banek tela’ b’rata qawwija ħafna. Fl-Italja, pereżempju, minn rata ta’ inqas minn 1.7% sena ilu, l-imgħax issa tela’ għal 4%.
L-istess seħħ fil-Ġermanja. Fuq self ta’ madwar €300,000, żieda bħal din tfisser daqqa ta’ kważi €7,000 fis-sena jew kważi €20 imgħax aktar kuljum x’jitħallas. Bil-maqlub, f’Malta dan mhux talli ma seħħx, talli first time buyers ġodda li jissellfu mill-banek bdew jingħataw pagament fis-sena ta’ €1,000. Minħabba dawn il-prospetti fis-suq tal-proprjetà f’Malta baqgħu sodi, bil-kontra tal-bqija tal-Ewropa fejn is-suq ilu nieżel mis-sena li għaddiet, b’ċerti pajjiżi jaraw tnaqqis ta’ anke 30% fil-bejgħ tal-proprjetà, skont il-Eurostat.
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li n-numru ta’ konvenji din is-sena diġà kważi laħaq it-12,200 jew medja ta’ 36 konvenju kuljum.
Fil-fatt, sa Novembru ġew iffirmati mal-elf konvenju aktar milli ġew iffirmati sena ilu. Fl-ewwel 11-il xahar ta’ din is-sena l-valur ta’ proprjetà residenzjali mixtrija qabeż diġà t-€2.9 biljun, li hu t-tieni l-akbar valur ta’ proprjetà li qatt ġiet mixtrija fl-istorja ta’ pajjiżna. Jekk wieħed iqassam dan il-valur fuq l-ammont ta’ atti ta’ bejgħ li seħħew, il-prezz medju kull kuntratt kien ta’ €264,000 jew 15% aktar minn dak fl-istess żmien sena ilu.
Dan jindika li jekk jibqgħu dawn ix-xejriet fil-prezz meta n-numru rekord ta’ konvenji jsiru kuntratti ta’ bejgħ pajjiżna se jerġa’ jkollu rekord ġdid fejn jidħol valur ta’ proprjetà residenzjali mibjugħa.
Minn statistika riċenti fuq l-ammont ta’ first buyers, jidher li hu biss terz tal-bejgħ li qed isir lill-first time buyers. B’hekk jidher li l-maġġoranza tas-suq tal-proprjetà qiegħed ikun ta’ nies li jixtru t-tieni proprjetà kif ukoll oħrajn li jkunu second-time buyers, jiġifieri li jkunu qed ifittxu biex jibdlu l-proprjetà li għandhom.
L-istatistika tindika li l-bejgħ ta’ proprjetà f’Għawdex, għalkemm diġà jidher li naqas xi ftit meta mqabbel maċ-ċifri rekord ta’ qabel, xorta għadu 75% aktar milli kien qabel tħabbar roħs fil-boll fuq proprjetà mixtrija f’Għawdex.
Hu mistenni li, meta f’Jannar tidħol fis-seħħ in-normalizzazzjoni tar-rata tat-taxxa tal-boll, il-pressjoni fuq issuq tal-proprjetà f’Għawdex terġa’ tiġi aktar qrib il-medja storika, biex hekk tibda titwettaq parti importanti tal-istrateġija ta’ Għawdex, ‘Gżira ta’ Villaġġi’, kif imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela.