Waqt attività politika fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-prijoritajiet tan-nies u l-prospetti ambjentali ta’ Gvern Laburista li qed jimmaterjalizzaw fi proġetti, ewlenin fosthom fiż-Żonqor u l-eks pixxina nazzjonali f’Wied il-Għajn stess.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern ta l-kelma wkoll fil-kampana elettorali ta’ sentejn ilu li tinstab soluzzjoni biex iż-Żonqor jibqa’ mhux mittiefes. Apparti ż-Żonqor, hemm ukoll l-eks pixxina nazzjonali li wkoll se tgħaddi għand il-komunità ta’ Wied il-Għajn.
Però Dr Abela saħaq li dan mhuwiex kollox.
“Il-kelma li se nagħti hawnhekk lill-komunità kollha ta’ Wied il-Għajn hija li malli jingħalaq il-proċess parlamentari biex bih l-art u l-pixxina tingħata lill-komunità, jien marridx li nibqa’ nara l-pixxina fl-istat li qiegħda llum u allura minn hemmekk jitlaq proċess biex ngaħtu pixxina state of the art lill-komunità ta’ Wied il-Għajn ħalli tkun tista’ tintuża mill-isportivi kollha.”
Dr Abela sostna li huwa dan il-pjan li kien maħsub u mwettaq f’dawn is-sentejn kif ukoll turija ċara ta’ kemm qalb il-Partit Laburista tħabbat fil-post it-tajjeb.
Hawnekk irrefera wkoll għall-impjant ta’ riċiklaġġ li se jkun qed jingħalaq fiż-żmien li ġej. Qal li dan se jsir mhux b’bakketta maġika imma b’viżjoni u b’riformi li qed isiru fl-immaniġjar tal-iskart.
“Tajna kelma li l-impjant ta’ riċiklaġġ li proprju qiegħed ftit metri ‘l bogħod minn hawnhekk se nkunu qegħdin nagħlquh. Tajna dik il-kelma, se naslu u dik il-kelma se nżommuha u l-impjant ta’ riċiklaġġ se jkun qiegħed jingħalaq.”
Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru tenna li wara li sar il-proċess biex Ħondoq ir-Rummien jiġi salvat darba għal dejjem, issa se jinbeda l-proċess imwiegħed li jiġu aġġornati l-pjani lokali ħalli l-bajja ta’ Wied il-Għajn tinżamm kif inhi llum.
Hawnhekk Dr Abela tkellem ukoll dwar Wied Inċita, spazju miftuħ li issa jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru sostna li din il-wegħda tingħaqad ma’ kullana ta’ riformi oħra li ġew imwegħda fil-manifest Malta Flimkien u li fl-aħħar sentejn bdew jissarrfu r-riżultati dwarhom.
“U kemm għandna minn dawn il-pjanijiet, għexieren ta’ proġetti li tmexxew ’il quddiem minn entitajiet differenti fosthom minn Project Green li tagħfas fuq il-proġetti miftuħa u ambjentali għall-familji tagħna. Għalhekk l-għażla tat-tmienja ta’ Ġunju hija waħda importanti ħafna.