Waqt li fi New York inġabru l-mexxejja minn madwar id-dinja għas-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, fl-aħħar sigħat kien imiss lill-Prim Ministru Malti Dr Robert Abela biex jindirizza din l-Assemblea Ġenerali.
F’indirizz b’saħħtu u notevoli, il-Prim Ministru ta’ Malta għamel appell b’saħħtu għall-paċi u l-ġustizzja soċjali, ftit xhur qabel pajjiżna jieħu postu fl-ogħla organu tal-Ġnus Magħquda, il-Kunsill tas-Sigurtà.
“In-nies jistennew minnha l-paċi, l-ugwaljanza u l-prosperità.”
Dawn kienu tliet temi importanti li semma l-Prim Ministru Malti.
Fl-ewwel diskors tiegħu b’mod fiżiku fl-Assemblea Ġenerali, il-Prim Ministru saħaq li l-paċi, l-ugwaljanza u l-prosperità huma marbuta ma’ xulxin.
Quddiem sfidi li għaddejja minnhom id-dinja fosthom il-gwerra fl-Ukrajna iżda mhux biss, il-Prim Ministru Malti,li kien għad kemm kellu għadd ta’ laqgħat fosthom uħud bilaterali ma’ mexxejja dinjin, sostna kif Malta dejjem kienet strument għall-paċi.
“Mingħajr il-paċi, mingħajr is-sigurtà u mingħajr l-istabilità, qatt mhu se nkunu nistgħu niffukaw fuq sfidi aktar importanti li naffaċċjaw: biex niksbu tkabbir, ugwaljanza u prosperità. Dan huwa dak li Malta u niesha jirrappreżentaw.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Malti rrefera għal sfidi oħra li ġabet il-gwerra fl-Ukrajna fosthom l-inflazzjoni fl-ikel u żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.
Hawn irrijaferma l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li jkun ta’spalla għan-nies bħal kien waqt pandemija u b’dikjarazzjonijiet ċari, Dr Abela saħaq li ma nistgħux inħallu n-nies waħedhom jerfgħu l-piżijiet.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-pajjiż ġar, il-Libja u awgura għal Libja iżda stabbli u fejn il-poplu Libjan jgħix fil-paċi mingħajr indħil barrani, għall-ġid tal-Libjani stess u tar-reġjun tal-Mediterran.
Fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll fuq prijoritajiet ambjentali u diġitali biex nagħtu futur sostenibbli lin-nies tal-lum u t’għada.
Il-Prim Ministru semma l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u kif pajjiżna se jimbotta iżjed fuq l-aġenda din il-kwistjoni anki meta s-sena d-dieħla se jkun fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
“Ejjew ilkoll indawru l-isfidi li naffaċċjaw f’opportunitajiet. Nittrasformaw l-ekonomiji tagħna u nagħmluhom lesti għall-futur. Huwa tant importanti li f’dan iż-żmien ta’ prova, nevitaw it-tentazzjoni li nagħtu l-ġenb, il-kwistjoni tal-klima. Il-futur huwa l-ambjent, il-futur huwa diġitali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Filwaqt li saħaq li bil-koperazzjoni u bid-djalogu nimxu ’l quddiem, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Malti għalaq b’messaġġ li għaddietlu bintu u li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada jixtiequ, dik linħallu dinja isbaħ u aħjar.