Il-Prosekuzzjoni Pubblika ta’ Milan qed titlob sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs għall-eks membru parlamentari Ewropea tal-Forza Italia Lara Comi, li hija qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u tad-deputat Ewropew David Casa. Dawn kienu użawha qatigħ fil-kampanji tagħhom kontra Malta fil-fora Ewropej.
Lara Comi tinsab akkużata li pparteċipat attivament f’sistema ta’ tixħim, kuntratti, nomini premeditati, u finanzjamenti illegali fir-reġjun tal-Lombardia.
Madwar erba’ snin ilu, hija kienet spiċċat taħt arrest f’darha b’rabta ma’ akkużi oħra ta’ korruzzjoni u frodi. L-akkużi jinkludu finanzjament illegali, korruzzjoni, u frodi ta’ madwar nofs miljun ewro għad-danni tal-Parlament Ewropew. Fost l-oħrajn, Comi tinsab akkużata li, ma’ oħrajn, ħolqot skemi li jwasslu biex tieħu eluf kbar ta’ ewro li ma kinetx intitolata għalihom. Dan sar permezz ta’ rċevuti foloz għal xogħol li, fil-fatt, ma kienx sar.
Comi ssemmiet ukoll b’rabta mal-iskandlu tal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni fil-Parlament Ewropew, il-Qatargate. Il-midja Taljana rrapportat li, fl-interrogazzjonijiet tal-Pulizija Belġjana, l-allegat moħħ wara l-iskandlu semmiha bħala waħda minn dawk li kellhom jirċievu €250,000 bħala għajnuna għall-kampanja elettorali tagħhom għall-Parlament Ewropew fl-2019.
Fi żmien meta diġà kienu jeżistu dubji kbar dwar il-karattru ta’ Comi, Busuttil u Casa kienu qed jistednuha tiġi Malta biex titkellem kontra l-Gvern. Fost l-oħrajn, kienet ġiet Malta f’konferenza ta’ David Casa biex tagħmel akkużi li eventwalment spiċċaw imgiddba mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Awditur Ġenerali.
F’ħafna okkażjonijiet il-kummenti ta’ Comi kontra Malta kienu xxandru fuq Net Television. Fuq kollox kien spikka l-appell ta’ Comi qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 biex il-Maltin jivvotaw għal Simon Busuttil, li ddeskrivietu bħala ħabib.
Din mhix l-unika darba li l-Partit Nazzjonalista ġab jitkellmu Malta nies li mbagħad instab li kienu fil-qalba ta’ skandli kbar.