Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, kompla l-ġuri ta’ Anthony Bugeja ta’ 55 sena minn Marsaxlokk u Piero Di Bartolo ta’ 49 sena li joqgħod Birżebbuġa, li huma mixlija li qatlu lil Albert Brian Rosso tmintax-il sena ilu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li jidher li dan kien delitt ippjanat u maħsub minn qabel u li l-omiċidju sar wara argument fuq il-bastiment Desiree.
Dr Angele Vella qalet li ż-żewġt akkużati kienu vvintaw storja dwar gangsters Sqallin biex ibeżżgħu lill-vittma sabiex jeħdulu d-dgħajsa tas-sajd mingħajr ma jħallsuh xejn.
Dr Vella qajmet diversi punti. Fosthom staqsiet għaliex kien intefa l-GPS tad-dgħajsa meta din salpat hekk kien ordnat mill-Qorti.
Issemma wkoll li, min kien biegħ l-arma tan-nar lil Rosso, ukoll qal li ma jiftakar xejn dwar jekk kinux tkellmu fuq l-arma.
Intqal li f’telefonata anonima kien ġie żvelat li, f’xi d-9am, l-akkużati dehru jipparkjaw viċin il-maħżen u li iċ-ċavetta tal-vann kienet tneħħiet minn mal-mazz taċ-ċwievet.
Issemma li l-qtil sar minħabba diżgwid rigward €5,000 u d-dgħajsa minħabba li Buġeja kien jgħid li kienet tiegħu. Issemmew ukoll żewġ każijiet meta, darba minnhom, il-vittma kien imbeżża’ fuq il-baħar u ġie sparat tir. Dakinhar intlaqat denfil u kienet qamet tilwima.
Intqal ukoll li, darb’oħra, Brian Rosso kien ta struzzjonijiet lil Bugeja biex ma jreġġax lura l-bastiment waqt li kienu qed ittellgħu x-xbieki. Fil-fatt, ġara bil-kontra tant li x-xbieki tħabblu fl-iskrun. Dakinhar kien qam argument jaħraq bejn it-tnejn. Rosso kien beża’ minn Bugeja dakinhar, anki minħabba l-fatt li hu ma kienx jaf jgħum.
L-akkużati qed iwieġbu li mhux ħatja.