Beda l-ġuri ta’ Joseph Scicluna, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia fl-inħawi ta’ San Ġakbu, f’Ħad-Dingli. L-allegat każ seħħ fil-wieħed u tletin t’Ottubru tal-elfejn u tmintax, meta l-vittma spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn tir t’arma ta’ nar. Hu mifhum li l-irġiel kienu jipprattikaw il-passatemp tal-kaċċa u l-argument kien relatat.
Jirriżulta li ż-żewġt irġiel kienu ilhom jafu lil xulxin madwar 20 sena minħabba li jgħixu fl-istess lokalità.
Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Prosekuzzjoni argumentat li, mill-ġbir tal-provi tagħha, irriżulta li fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu dakinhar tal-każ sitt snin ilu l-vittma kien qiegħed ilesti għall-kaċċa fl-għalqa tiegħu meta sab lill-akkużat ma’ wiċċu.
Żiedet tgħid ukoll li l-akkużat kellu kawża ċivili kontra ħut il-vittma, fejn Mark Farrugia wkoll kellu jkun wieħed mix-xhieda.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat kellu marloġġ f’idu u lasta ħoxna li tintuża biex titqabbad ma’ għodda oħrajn li jintużaw fl-għalqa. Proprju kien hawn li bdew jitkellmu fuq xi għasfur li Scicluna kien qabad il-jum ta’ qabel. Fuq il-post kien hemm ukoll missier il-vittma, b’Scicluna jinstema’ jgħid li ħa jitlaq ’l hemm.
Skont dak li l-vittma qal lill-Pulizija waqt l-investigazzjonijiet, l-akkużat pponta subgħajh lejn siġra biex jurih xi ħaġa, iżda wara li ħares kemm-il darba biex jara x’kien hemm, l-akkużat tah daqqa bil-marloġġ fuq il-parti tal-lemin ta’ moħħu. Farrugia spiċċa ferut u ħass ħafna demm niżel ma’ wiċċu.
Minn hemm, imbagħad qam argument vjolenti bejn it-tnejn, li spiċċaw jitgerrbu mal-art.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-vittma qala’ tliet daqqiet waqt dan l-argument, fejn staqsa lil Scicluna għalxiex kien qed jagħmillu hekk. Ġie spjegat ukoll li l-vittma ra lill-akkużat jaqbad is-senter tal-kaċċa jimmirah lejh u jispara. Minkejja li l-vittma għatta wiċċu, xorta ntlaqat fi driegħu, sidru u żaqqu. Kawża t’hekk, il-vittma tilef ħafna demm.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi James Grech u Wayne Camilleri. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
L-Avukat Edward Gatt qed jidher bħala parte civile.