Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Prosekuturi Pubbliċi fil-Ġermanja mhumiex indipendenti fix-xogħol tagħhom f’każijiet ta’ prosekuzzjoni.
B’riżultat ta’ dan, l-ogħla qorti Ewropea waqqfet lill-Prosekuturi Ġermaniżi milli jibqgħu joħorġu mandati ta’ arrest Ewropew.
Il-liġi tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi li l-mandati ta’ arrest Ewropew jistgħu jiġu awtorizzati biss minn awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti li m’għandhom l-ebda influwenza politika kif irriżulta li għandhom dawk fil-Ġermanja.
Rapport fis-sit awtorevoli Euractiv qal li l-mandati ta’ arrest Ewropew jistgħu jinħarġu biss mill-Qrati fil-Ġermanja li huma kompletament indipendenti mill-eżekuttiv.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li dan mhux il-każ għall-prosekuturi pubbliċi fil-Ġermanja għax dawn iridu jirrapportaw lill-Ministeru għall-Ġustizzja qabel jibdew investigazzjoni.
Għaldaqstant, l-imħallfin fil-qorti bbażata fil-Lussemburgu qalu li ma jistax jiġi eskluż li x-xogħol tal-investigaturi Ġermaniżi qiegħed jiġi influwenzat minn struzzjonijiet li jingħataw lilhom mill-Gvern Ġermaniż.