Professur fil-liġi tal-Unjoni Ewropea Alberto Alemanno fisser iċ-ċaqliq żgħir li qed tipprova tagħmel Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew wara l-iskandlu QatarGate bħala falliment biex jindirizza bis-serjetà n-nuqqasijiet li jeżistu fl-istrutturi tal-Parlament Ewropew biex dan jimxi b’iżjed etika u governanza.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif aċċennat għal dikjarazzjoni fuq Twitter, mill-Professur ta’ Ċentru tal-Istudji rinomat bl-isem ta’ Jean Monnett, fejn qal li l-proposti ta’ Metsola biex ikunu ta’ rimedju għal QatarGate jfallu biex jindirizzaw nuqqasijiet fis-sistema ta’ etika tal-Parlament Ewropew.
Mal-Professur Alberto Alemanno ngħaqad il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Politika Ewropea Karel Lannoo, li wkoll qal li jekk wieħed iħares lejn numru ta’ eks Membri Parlamentari Ewropej li llum jaħdmu għal-lobbies, ma jafx kif il-proposti ta’ Metsola jistgħu jaħdmu.
Dawn id-dikjarazzjonijiet intqal wara li Metsola preżentat mad-disa’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew dak li dehrilha għandu jkun ta’ rimedju għall-integrità wara l-każ ta’ korruzzjoni li heżżeż il-Parlament Ewropew.
Fuq dan il-każ, il-pulizija Belġjana arrestat lil waħda mill-Viċi Presidenti ta’ Metsola, il-Griega Eva Kaili, b’rabta ma’ każ ta’ korruzzjoni mill-Qatar, bl-Avukat ta’ Kaili ddikjara li hija kienet qed timplimenta pjan usa’ tal-Unjoni Ewropea u li kienet qed timxi skont l-ordnijiet tal-President Roberta Metsola.
Dan apparti li dak li kien iċ-Chief of Staff ta’ Roberta Metsola, it-Taljan Alessandro Chiocchetti, u li Metsola tefgħetu bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament, kellu mill-inqas żewġ laqgħat mal-awtoritajiet tal-Qatar.
Fil-fatt il-grupp Transparency International EU, li huwa parti minn moviment globali kontra l-korruzzjoni, kien appella biex il-ħatra l-ġdida ta’ Chiocchetti tiġi revokata.
Intant il-Professur tal-liġi, Alemanno kien rreaġixxa għal dak li kienet fissret Metsola bħala attakk fuq id-demokrazija meta feġġ l-iskandlu QatarGate u qalilha li dan ma kien attakk xejn iżda xi ħaġa li nġibet b’idejn in-nies tal-Parlament Ewropew ta’ Metsola. Fil-fatt bosta attivisti kienu qalulha li bħala President tal-Parlament Ewropew missha li ilha li ħadet ċerti passi wara anki deċiżjonijiet li ħadet u tefgħu dubji fuq il-kredibilità tagħha.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, Roberta Metsola affaċċjat kritika kbira fid-dawl ta’ skandli marbuta mal-Parlament Ewropew li tmexxi. Fl-aħħar jiem tas-sena li għadha kif għaddiet, ġurnal Taljan kixifha li kellha kollox lest biex taħtar lir-raġel t’oħtha bħala Chief of Staff tagħha. Wara li nqabdet b’dak li kienet se tagħmel, Roberta Metsola ħabbret il-ħatra ta’ persuna oħra f’dan l-irwol. Dan kienet għamlitu fl-istess jum li l-kelliem tagħha ddefenda b’saħħa kbira l-ħatra ta’ Matthew Tabone bħala Chief of Staff tagħha. Fil-fatt, Roberta Metsola lestiet għal Matthew Tabone, li hu r-raġel t’oħtha ż-żgħira, kariga li ġġib salarju li jista’ jlaħħaq sa €20,000 fix-xahar.
Il-ħatra kienet ġiet żvelata mill-ġurnal ‘Il Foglio’ u meta staqsew lill-kelliem ta’ Metsola dwarha, dan tal-aħħar tgħidx kemm kien iddefenda l-ħatra billi qal li l-President tal-Parlament Ewropew ma tistax tiddeċiedi min jinnamra ma’ min u kulħadd jista’ jħobb lil min irid iżda ffaċċjata bi kritika qawwija u mifruxa u saħansitra b’rapporti għand l-Ombudsman Ewropew, Metsola daqqet l-irtirata u permezz tal-istess kelliem ħabbret li Metsola qed taħtar l-Ispanjola Leticia Zuleta de Reales Ansaldo fl-irwol ta’ Chief of Staff.