“Ir-riformi tagħmilhom għax ikollok il-kuraġġ u tkun sensittiv għar-realtajiet tas-soċjeta.”
Hekk saħaq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio t-Tlieta filgħodu meta kien mistoqsi dwar ir-riformi li wettaq Gvern Laburista fl-aħħar xhur.
B’referenza għall-whitepaper bi proposti għal użu aktar responsabbli tal-Kannabis, il-Prim Ministru qal li dawn baqgħu jsiru minkejja l-ifidi tal-pandemija.
Dwar il-whitepaper tal-Kannabis, li bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-Gvern fehem ir-realtà tal-lum u b’hekk ma beżax imur għat-triq tal-bidla.
Huwa spjega wkoll kif wieħed mill-għanijiet ta’ din ir-riforma hija li teqred is-suq illegali.
“Aħna wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħna huwa li l-black market kemm jista’ jkun neqirduh mela int se jkollok dilemma għax se jkollok sitwazzjoni fejn sa 7 grammi jista’ jkollok u tista’ tikkultiva imma m’għandekx sors minn fejn tixtri. Huwa għalhekk li dawn is-6 ġimgħat huma kruċjali anke sabiex iniedu studju biex jiggwidawna dwar dan il-punt minn fejn wieħed se jkun jista’ jixtri b’mod legali imma fl-aħħar mill-aħħar dawn huma rifomi li tagħmilhom għax ikollok il-kuraġġ, għax tkun sensittiv lejn ir-realtajiet tas-soċjetà tagħna u ma tibżax taffrontahom il-bidliet.”
Intant il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar iż-żjara tiegħu fil-Libja.
Hekk kif sostna li ra Libja differenti u aktar stabbli, il-Prim Ministru saħaq li dan huwa kruċjali għal Mediterran u Ewropa aktar b’saħħitha.
Tenna wkoll l-ħidma tal-Gvern Malti sabiex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni mal-Libja.
“Il-Libjani jħarsu lejn pajjiżna b’mod speċjali kif aħna nħarsu lejhom u dik hija relazzjoni li rridu nikkultivawha. Hemm ħafna potenzjal li rridu nikkultivawh u nibżgħu għalih u nsaħħu r-relazzjoni b’saħħitha li teżisti.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll li waqt id-diskussjonijiet fil-Libja, ntmess ukoll is-suġġett tal-immigrazzjoni hekk kif ġie spjegat kif il-Libja hija wkoll vittma ta’ din il-kwistjoni.
Dr Abela sostna li din is-sitwazzjoni hija waħda fluwida f’pajjiżna u li tista’ tinbidel minn lejl għal nhar. Huwa sostna l-prinċipju ewlieni tal-Gvern fuq dan is-suġġett minkejja l-pressjonijiet minn min suppost jaf aħjar.
“Il-politika tagħna hija li pajjiżna ma jiflaħx iżjed pressjonijiet ta’ immigrazzjoni irregolari. Erfajna biżżejjed. Erfajna fi proporzjon ħafna u ħafna ikbar milli refgħu pajjiżi oħrajn membri fl-UE u għaldaqstant dik hija l-politika tagħna.”
Il-Prim Ministru appella wkoll għal sforz kordinat mill-Unjoni Ewropea b’mod konkret.
“B’mod konkret issa rridu nitkellmu. Il-prinċipji qegħdin hemmhekk u s-soluzzjonjiet qegħdin hemmhekk ukoll. Ma hemmx wieħed x’jitkellem iżjed, issa azzjoni konkreta dak li wieħed irid jara.”