Il-Parlament Ewropew addotta regoli simplifikati għas-sena 2021-2027 għall-investimenti fir-reġjuni tal-UE u oppona s-sospensjoni tal-fondi għal reġjuni li jiddependu mill-miri ekonomiċi ta’ pajjiżhom. Il-Parlament approva riżoluzzjoni li titlob lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tiffinanzja sa 85% ta’ proġetti approvati mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Ewropew Soċjali, il-Fond tal-Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd għal reġjuni anqas żviluppati u sa 65% għal dawk li jissejħu reġjuni transizzjonali.
L-MEP Malti Alfred Sant ivvota favur din ir-riżoluzzjoni u ikkritika lill-Kummissjoni Ewropea li qed tipproponi tnaqqis f’dawn il-miri.
“Il-proposta tal-Kummissjoni mhix ġusta. Aktar minn hekk tpoġġi f’periklu l-fondi għall-proġetti diġa` approvati.”
Dr Sant qal li bir-raġunament tal-Kummissjoni Ewropea ħafna proġetti ma jingħatawx fondi tal-UE.
“Aktar importanti minn hekk : Dan il-Parlament ċaħad il-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi tal-Kummissjoni Ewropea. Skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu kanċellati l-fondi ta’ pajjiżi bi gvernijiet bi problemi mar-regoli taż-żona ewro. B’hekk proġetti ta’ awtoritajiet reġjonali ibatu minħabba deċiżjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali. Dan mhux ġust.’
Alfred Sant, waqt li ivvota favur ir-Riżoluzzjoni, ivvota kontra emendi fir-riżoluzzjoni li jinkludu s-sehem tal-‘European Investment Bank’ fl-aspetti tal-programmar tal-proġetti għax dawn iżidu l-ispejjeż amministrattivi u jġibu piżijiet finanzjarji ġodda.