Il-Partit Laburista indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara l-proposta ta’ Simon Busuttil li joffri is-servizz ta’ childcare b’xejn anke għal min ma jaħdimx. Il-Ministru Evarist Bartolo qal li dan il-kunċett jagħmel ħafna ħsara u jkisser is-servizzi attwali li hawn f’pajjiżna.
Filwaqt li fakkar li aħna l-unika pajjiż fl-Ewropa li qed joffru s-servizz b’xejn għall-ġenituri li ħarġu jaħdmu, fakkar li hemm 13-il ċentru ieħor għal ġenituri li qed jistudjaw. Il-fatt li c-childcare li ngħata għal min jaħdem kien biex ikun sostenibbli u ekonomikament tenibbli. B’hekk is-servizz ma jkunx ta’ piż fuq it-taxpayers l-oħra li ma jibbenefikawx mis-servizz.
Il-proposta ta’ Busuttil dalgħodu ma tistax issir għax iridu jirduppjaw iċ-ċentri tat-tfal u jirduppjaw iċ-child carers, minn 350 għal 700.
Barra minn hekk, iċ-ċifri li semma Busuttil dalgħodu mhumiex preċiżi – “lanqas għandu l-figuri preċiżi aħseb u ara kemm jista’ jagħmel costings” qal Bartolo.
Qal ukoll li biex jinfetħu aktar child care centres, se jonqsu l-istandards tas-servizz li hemm bħalissa.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li l-pajjiż investa ħafna fin-nisa. Hemm ħafna nisa li jkunu studjaw iżda ma jibqgħux fid-dinja tax-xogħol. L-iktar problema kbira li jiltaqgħu magħha kienet iċ-childcare li l-familji jifilħu għalih. Issa l-pajjiż għandu r-riżultat tal-miżura ta’ childcare b’xejn għal min jaħdem li daħħal Partit Laburista fil-Gvern. Permezz ta’ din il-miżura, żdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol. Kienet miżura responsabbli, mmirata biex tindirizza l-fatt li Malta kellha fost l-ogħla parteċipazzjoni ta’ nisa fil-post tax-xogħol. Ta’ amministrazzjoni Laburista kienet miżura favur il-familja, imma issa qed naraw ir-riskju li din il-miżura ma tibqax vijabbli. Miżura li mhix sostenibbli, spjegat il-Ministru Dalli, mhix favur il-familja.