Il-proklama li ngħatat lill-‘middleman’ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvyn Theuma, hija waħda bla preċedent f’pajjiżna.
Hekk saħaq l-avukat Charlon Gouder waqt il-programm ‘Stat ta’ Fatt’ it-Tlieta fil-għaxija.
Dan hekk kif huwa stqarr li f’każjiet oħra, bħall-proklama li ingħatat fi żmien il-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami lil Żeppi l-Ħafi b’konnessjoni ma’ tlett reati, ix-xhieda tiegħu li ta ma ġietx emmnuta fil-Qorti.
Dan anki jekk l-istess Joseph Fenech magħruf bħala Żeppi l-Ħafi kien marbut li jgħid is-sewwa.
Fil-programm, Dr. Gouder semma wkoll lil George Farrugia li ngħata l-proklama fi żmien il-Gvern ta’ Gonzi lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tlettax.
Proklama oħra li ma wasslet għall-imkien iżda Charlon Gouder, b’esperjenza ġurnalistika u anki legali saħaq li l-proklama li ngħata issa tiddistingwi ruħha mill-maħfriet presidenzjali tal-passat.
“Mela kellek proklama li ingħatat lejlet elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, li biha u mingħajrha, min kellu jitressaq il-Qorti effetivament kien ser jitressaq il-Qorti, għaliex effetivament l-iswed fuq l-abjad, konna stajna narawh fuq il-gazzetti u rraportat fuq il-ġurnali. Meta fil-fatt f’dan il-każ per se, f’dan il-każ tal-omiċidju per se għandek differenza netta, għandek proklama illi ser twassal jew li trid twassal, biex il-mandant, hu min hu, jitressaq il-Qorti. Din hi d-differenza.”
Fl-istess programm tkellem il-kriminologu John Ellul.
Dan saħaq kif għad-differenza tal-maħfriet presidenzjali li ingħataw f’pajjiżna fil-passat, il-Prim Ministru Joseph Muscat mexa bl-iżjed mod responsabbli.
Dan hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja din il-proklama ingħatat fuq sett ta’ kundizzjonijiet.
“Hawnhekk rajna Prim Ministru għalija bl-aktar mod trasparenti, qatt ma rajna bħala din, bl-aktar mod trasparenti. U la fil-każ ta’ Nardu Debono, u la fil-każ taż-żejt, u la fil-.. voldieri għax ma ssemmewx oħrajn, qatt ma kellna proklama li ġiet evalwata u ngħatat bl-iktar mod trasparenti b’kundizzjonijiet liema bħalhom. Voldieri dan għandu kundizzjonijiet, mannara fuq rasu, illi jekk ma jottemprax ruħu ma dawk il-kundizzjonijiet ħa jgħaddi proċeduri normali.”
John Ellul aċċenna anki għall-fatt li l-investigaturi qed iwettqu ħidma kbira anki billi għamlu analiżi tal-evidenza li qed jippreżenta dak meqjus bħala l-middle man fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sostna li l-investigaturi jridu jaċċertaw li l-evidenza li tiġi quddiemhom tkun b’saħħitha biex tiġi ppreżentata fil-Qorti.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Charlon Gouder tul il-programm innota kif b’differenza, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss għad attent iżda tkellem b’kawtela meta informa lill-pubbliku dwar l-investigazzjonijiet.
Dan għall-kuntrarju ta’ l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li kien qabeż il-limitu meta l-kummenti tiegħu ġew meqjusa mill-Qrati bħala verdett ta’ ħtija qabel kien hemm proċess ġudizzjarju.
Dr. Gouder żied jgħid li Fenech Adami kien anki tkellem ma’ Żeppi l-Ħafi, li ħa l-proklama f’remissa tax-xufier tiegħu u aktar tard anki f’laqgħa fis-satra tal-lejl taħt il-pont ta’ San Ġiljan.