Irridu nkunu aħna l-politiċi li nżommu mal-pass tan-nies u mhux nippretendu l-kontra. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Liżbona meta flimkien ma’ mexxejja Ewropej oħra indirizza l-Kungress tal-Partit Soċjalista Ewropew bit-tema Ġusta, Ħielsa, Sostenibbli l-Ewropea progressiva li rridu.
“Aħna, il-progressivi, konna dejjem mmexxu l-bidla u mhux nopponuha,” qal Joseph Muscat li tenna li wieħed ma jistax jinjora jew jipposponi l-bidliet. “Irridu nsibu t-tweġibiet għal kwistjonijiet li se jiddefinixxu l-ġenerazzjonijiet Ewropej li jmiss,” qal il-Prim Ministru li tenna li fost oħrajn dan irid isir fil-qasam tax-xogħol.
“Irridu nisfidaw, nissorprendu u nipprovokaw,” iddikjara Joseph Muscat għax jekk irridu nirnexxu rridu nemmnu li nistgħu mmorru fejn naħsbu li ma jistgħux.
L-appell ta’ Muscat kien ċar. Jekk in-nies jafdaw lill-Partiti Soċjalisti fuq il-ġustizzja soċjali, m’għandhomx għax ma jafdawhom fuq it-tmexxija ekonomija. U jekk in-nies jaqblu mal-politika progressiva fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-partiti Ewropej iridu jitkellmu wkoll dwar is-sigurtà u l-prevenzjoni tal-kriminalità.
Joseph Muscat kien ċar li hemm muddelli progressivi li jaħdmu. U hawn seta’ jsemmi l-bidliet li ġab pajjiżna fl-aħħar snin.
Seta’ jitkellem dwar it-tkabbir ekonomiku rekord ta’ Malta, l-ikbar fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin li Malta żiedet ix-xogħol u naqset il-qgħad. Dan kollu fl-istess ħin li tirreġistra surplus.
Spjega kif Malta għamlet dan billi kienet innovattiva. Ic-child care b’xejn għal kulħadd u t-trasport għall-iskejjel.
Fl-istess ħin li l-pajjiż kien qed inaqqas il-faqar Malta lleġiżlat favur iktar drittijiet ċivili. U pajjiżna mhux jieqaf jagħmel dan f’Malta biss imma qed imexxi alleanzi Ewropej.
“Hija din it-tip ta’ politika progressiva ta’ għaqda, ta’ ugwaljanza, ta’ ġustizzja u sostenibbiltà li għandha bżonn l-Ewropa. Huma biss il-forzi progressivi flimkien li jistgħu jmexxu dawn it-tip ta’ inizjattivi għaċ-ċittadini,” qal Muscat li appella għal għaqda biex ikunu miġġielda l-firdiet u l-barrieri bil-politika tal-għaqda u t-tama.