Il-progress soċjali ma jistax iseħħ mingħajr il-progress ekonomiku; waħda ma teskludix lill-oħra. Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta indirizza konferenza tal-worker’s group li qed jiltaqqa f’pajjiżna.
Joseph Muscat irrimarka s-suċċess li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin, fosthom it-tnaqqis fir-rata tal-qgħad, iż-żieda fil-pensjonijiet, il-ftehim kollettiv li se jwassal għal żieda fil-paga minima u s-surplus li pajjiżna kien ilu ma jirreġistra snin sħaħ.
Joseph Muscat qal li dan sar fi sfond li wiret sitwazzjoni fejn il-pajjiż kien mifni bid-defiċit. Kien għalhekk li ngħatat attenzjoni lill-ekonomija, saret ħidma biex ikun attirat investimenti għall-ħolqien t’impjiegi u beda jinħoloq il-ġid li beda jitqassam.
Dwar il-Presidenza Maltija, Joseph Muscat qal li għalkemm pajjiżna ħa f’idejh il-Presidenza fi żmien ta’ sfida għall-Unjoni Ewropea, il-Presidenza Maltija wriet l-għaqda li teżisti fl-istess Unjoni fejn deher evidenti fil-qbil li sar fi ħmistax-il minuta dwar il-proċess BREXIT.