Waqt it-tielet Eżami Perjodiku Universali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta, pajjiżna kien imfaħħar għall-progress miksub fl-aħħar ħames snin. Il-progress kien xprunat mill-bidla fil-mentalità ta’ nazzjon li nħeles mill-ktajjen konservattivi biex illum, kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni, ingħata d-dinjità li tixraqlu.
Kienu aktar minn 70 stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti, fosthom 21 stat membru tal-Unjoni Ewropea, li laqgħu b’sodsifazzjon it-titjib reġistrat f’ħafna oqsma.
Dan meta mqabbel mal-aħħar Eżami Perjodiku Universali ta’ Malta ħames snin ilu meta l-gvern wera r-rieda li ssir bidla wara biss ftit xhur mill-elezzjoni ġenerali. Dakinhar pajjiżna kien ikkritikat għal-liġijiet projbittivi taċ-ċensura, il-libell kriminali kontra l-ġurnalisti, in-nuqqas ta’ drittijiet ċivili, in-nuqqas ta’ protezzjoni għall-whistleblowers, il-preskrizzjoni fuq reati mwettqa mill-politiċi, u n-nuqqas ta’ liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti, fost aspetti oħra li rriżultaw minn bosta snin ta’ letarġija f’dawn l-oqsma.
Waqt li dan kollu llum hu storja tal-passat, il-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jixpruna l-progress li jixraq lil soċjetà moderna u progressiva.
Helena Dalli tkellmet dwar il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn fakkret kif f’inqas minn 50 jum inqabdu l-eżekuturi, waqt li assigurat li l-istat qed jagħmel minn kollox biex bl-għajnuna ta’ entitajiet internazzjonali, jinqabdu l-mandanti.
Fost temi oħra li tqajmu kien hemm l-abort, fejn il-Ministru qalet li dan jibqa’ illegali f’Malta, id-drittijiet tal-immigranti, il-protezzjoni għal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u t-twaqqif ta’ istituzzjoni indipendenti li tħares id-drittijiet tal-bniedem. Dwar din tal-aħħar, il-Ministru Dalli fissret kif il-gvern wasal fil-fażi finali tal-proċess konsultattiv biex pajjiżna jkollu qafas leġiżlattiv b’saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
Ritratt: MEAE