L-Unjoni Ewropea għandha ssegwi l-progress ta’ Malta bi proposti leġiżlattivi b’saħħithom li jħarsu bi sħiħ id-drittijiet umani tal-persuni LGBTIQ. Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ fi Brussell. Konferenza bis-sehem tal-Kummissarju Ewropew Věra Jourová li matulha spikka l-progress leġiżlattiv f’Malta bħala eżempju tajjeb ta’ fejn għandha tasal l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Zammit Lewis fisser kif minkejja x-xogħol kollu li sar biex illum Malta rikonoxxuta bħala l-aqwa pajjiż fid-dinja fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ, għad baqa’ ħafna xi jsir biex nindirizzaw l-istigma li tippersisti u l-mentalità diskriminatorja li tibqa’ prevalenti fl-ispettru kollhu tas-soċjetà. Tant illi skont l-aħħar Ewro-Barometru dwar id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ, 36% tal-Maltin huma skomdi b’koppja tal-istess sess jesprimu mħabba lejn xulxin fil-pubbliku waqt li 25% jaħsbu li ż-żwieġ ugwali m’għandux jiġi aċċettat.
Hawnhekk il-Ministru semma t-tieni strateġija u pjan t’azzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ għall-perjodu 2018-2022 li qed jixpruna l-implimentazzjoni orizzontali tal-liġijiet tagħna, kemm fil-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern u kif ukoll fis-settur privat. Huwa semma ukoll l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza bħala ħolqa oħra fil-pjan komprensiv tal-Gvern li jelimina kull forma ta’ diskriminazzjoni u jikseb ugwaljanza sħiħa għal kulħadd u f’kull aspett.
F’dan ir-rigward, Dr Zammit Lewis appella għal aktar rieda politika biex l-Unjoni Ewropea tkun l-aġent ewlieni tal-inklużjoni soċjali u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ fl-Istati Membri kollha u fil-komunità internazzjonali. Fid-dawl tal-aġenda ambizzjuża tal-President-elett Ursula Von der Leyen u tar-riżultati li ksibna f’Malta, il-Ministru Zammit Lewis tenna li n-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza tawgura tajjeb biex jintlaħaq dan it-tragward.