L-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Sky News tat prominenza qawwija l-fatt li pajjiżna huwa l-aktar stat membru fl-Unjoni Ewropea li laqqam nies kontra l-Covid-19.
B’rapport pożittiv fuq Malta, Sky News irrapporta kif Malta diġà laqqmet 5% tal-popolazzjoni kontra l-Covid-19.
Sky News tkellmet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li tkellem dwar il-programm ta’ vaċċinazzjoni ta’ Malta.
Qal li Malta mxiet mal-parir tal-kumpaniji farmaċewtiċi li provdew il-vaċċin, dak li tagħti l-ewwel dożi lin-nies iżda jkollha diġà f’idejha t-tieni doża biex tingħata kif suppost u fil-ħin.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri fost oħrajn fir-Renju Unit, fejn il-Gvern Ingliż qabad u ta l-ewwel doża lil bosta nies iżda m’għandux assigurazzjoni li se jagħti t-tieni doża fil-waqt u skont il-parir tal-produttur tal-vaċċin għall-Covid-19.
Dan ifisser li ċittadini Ingliżi tlaqqmu bl-ewwel doża iżda jistgħu jistennew ix-xhur biex jieħdu t-tieni doża.
Qal li teżisti tiġrija iżda din m’għandix tkun forma ta’ kompetizzjoni bejn il-pajjiżi iżda kontra t-tixrid tal-virus.
Ma’ Sky News, Chris Fearne tenna l-pożizzjoni ta’ Malta favur anki solidarjetà bejn il-pajjiżi biex kull pajjiż fid-dinja jkollu l-vaċċin disponnibli u jlaqqam il-popli differenti.
L-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea kien fuq quddiem li mbotta xiri komuni tal-vaċċin għall-istati membri kollha biex mhux biss il-pajjiżi kbar fl-Unjoni Ewropea jkollhom il-vaċċin l-ewwel iżda kull pajjiż ikollu d-dożi meħtieġa.
Id-Deputat Prim Ministru qal li għall-ewwel darba l-vaċċin inxtara bejn l-istati membri kollha.
Saħaq li dan kien żvilupp importanti li għandu jservi ta’ eżempju għall-passi simili fix-xiri ta’ mediċini oħra għal nies li huma morda bil-kanċer.
Dwar il-battibekki li għaddejin bejn il-kumpanija tal-farmaċewtika AstraZeneca u l-Unjoni Ewropea, fejn il-kumpanija qed tgħid li fl-ewwel kwart tas-sena se tagħti sittin fil-mija inqas tad-dożi mwiegħda, Chris Fearne qal li rridu nintrefgħu ‘l fuq u ma naħlux ħin f’dawn il-battibekki.
“Aħna għandna nkunu sodisfatti li għandna l-vaċċin u ġibnih wara perjodu qasir ħafna minn mindu faqqgħet il-pandemija”, saħaq Chris Fearne li aċċenna li aħna lkoll irridu l-ġid għaċ-ċittadini tagħna.
L-Unjoni Ewropea talbet lill-kumpanija AstraZeneca biex tipprovdilha iktar dożi tal-vaċċin għall-Covid-19 mill-impjanti fir-Renju Unit.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides qalet li l-kumpanija tal-mediċini qed tgħid ħażin meta saħqet li l-ftehim mal-Ewropa ma jorbotx.
L-AstraZeneca sofriet problemi fl-impjanti ta’ produzzjoni tal-vaċċin fl-Ewropa iżda mhux dawk fir-Renju Unit.
Dalwaqt il-vaċċin tal-AstraZeneca mistenni jiġi rakkomandat għall-approvazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.