Il-maġġoranza tar-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin xi darba fiż-żmien li ġej se jkunu mexjin fl-istess toroq magħna jew saħansitra ġirien tagħna.
Għalhekk huwa kruċjali dawn jirrintegraw fis-soċjetà.
Dan il-prinċipju huwa l-qafas tal-ħidma tal-Faċilità Korrettiva, li bi programmi bħal ‘Prison Industry,’ li jagħti opportunità lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva joħorġu lura fis-soċjetà waqt is-sentenza tagħhom biex jagħmlu xogħol fil-komunitajiet.
Waħda mill-għaqdiet li bbenefikaw minn dan il-programm hija dik tas-Soċjetà Filarmonika Maria Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar, fejn waqt li kienu għaddejjin b’xogħol ta’ rinovar, għamlu użu mill-programm ‘Prison Industry.’
Ir-residenti tal-faċilità korrettiva li ħadmu u taw spinta kbira fix-xogħol ta’ rinovar tal-każin, għamlu dan taħt moniteraġġ strett, hekk kif spjega l-gwardjan Robert Cassar li b’mod regolari kien responsabbli mir-residenti li ħadmu fil-każin.
Huwa spjega kif ir-residenti li jieħdu sehem fil-programm dejjem ikunu lebsin tag elettronika, u malli jidħlu lura lejn il-faċilità korrettiva, dejjem jiġu mfittxija.
Cassar qal li meta r-residenti jkollhom rispett lejn is-soċjetà u s-soċjetà ikollha rispett lejhom, hekk biss jistgħu jkunu rintegrati, sabiex b’hekk ma jkunux f’riskju li jerġgħu jirrikorru lejn il-kriminalità.
Stqarr ukoll li l-ħidma tar-residenti innifisha, hija waħda ta’ kapaċità kbira.
Huwa qal, “Ix-xogħol li jagħmlu huma, mhux għax resident, ejja ħa mmorru. Ix-xogħol li jagħmlu huma huwa apprezzabbli ħafna, huwa xogħol professjonali għax in-nies minn hemm ġew, għalkemm qegħdin hemm ġew għax qed ipattu għall-iżball li kienu wettqu fir-reat tagħhom, jagħtu dak li jistgħu fis-soċjetà biex jagħtu lura naqra mill-iżball tar-reat li jkunu għamlu.”
Intant, is-Segretarju tal-każin, Mauro Xuereb tkellem ma’ ONE News, fejn sostna kif il-każin semgħu bil-programm Prison Industry waqt li kienu għaddejjin bir-restawr tal-każin.
Qal li l-għajnuna li taw ir-residenti, għenet lill-istess residenti sabiex jintegraw fis-soċjetà.
Huwa appella lil organizzazzjonijiet oħra sabiex jagħmlu użu mill-programm, u b’hekk jgħinu fir-rijabilitazzjoni ta’ min qed jiskonta sentenza.
Stqarr, “Jien nappella lis-soċjetajiet kollha u għaqdiet voluntiera biex jagħtu dil-opportunità lil dawn ir-residenti. Dawn huma residenti li sfortunatament għamlu żbalji f’ħajjithom u aħna qiegħdin fid-dmir li ngħinuhom jintegraw lura fis-soċjetà wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom. Bażikament dawn huma nies bħalna li m’għandhom xejn differenti.”