Il-kaċċa u l-insib hu s-suġġett tal-ewwel programm ġdid bl-isem ‘Dean Jistaqsi’, li se jibda jixxandar mil-lejla fuq ONE fid-disgħa neqsin għoxrin. Dibattitu mqanqal bejn Lucas Micallef mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, u Mark Sultana mill-BirdLife.
L-argumenti kienu diversi, marbutin, fost oħrajn, ma’ inforzar, proċeduri fil-Qrati u, fl-eqqel tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, id-diskussjoni ttrattat ukoll il-perċezzjoni li tingħata fil-midja.
“Kont qed nara filmat li ppubblikaw dalgħodu BirdLife Malta ta’ baġan li dieħel jorqod fil-qamħ u dawn kitbu ‘roosting marsh terrior’. Ħafna min-nies jibku, bdew jagħmlu emojis li qed jibku, għax ħasbu li dan xi ħadd sparalu meta dan kull ma għamel niżel biex jorqod. Tant hemm perċezzjoni negattiva hemm barra u l-midja tagħmel ħafna minn dan. Mill-2015 ’il hawn, mir-referendum, kellna anke persunaġġi internazzjonali li ppruvaw joħolqu din it-tip ta’ emozzjoni.”
L-għaqda BirdLife sostniet li t-tajr sar aktar vulnerabbli.
“L-għasfur sar vulnerabbli wara r-referendum, wara l-każ tal-Qorti. L-ammonti bdew jonqsu u allura nieħdu azzjoni. Jien ma tantx nara differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni fuq din. Għax ħlief min forsi jrid ikun popolist min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment Peter Agius, biex taparsi nipprovaw inġibu s-sapport. Għandhom dritt kollha, għandu dritt il-Gvern u għandu dritt l-Oppożizzjoni.”
Fil-programm intervjena wkoll il-Ministru politikament responsabbli mill-qosma tal-kaċċa u l-insib, Clint Camilleri.
‘Dean Jistaqsi’ illejla, wara l-aħbarijiet fuq ONE.