Waqt il-programm ESPRESSO, ġiet imnedija l-kanzunetta l-ġdida tal-Milied ”Inħalluh jinxtagħal”.
Din il-kanzunetta għandha kompożizzjoni u produzzjoni mużikali ta’ Dominic Cini u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss.
”Inħalluh jinxtagħal” titkanta minn Janice Mangion, Franklin Calleja, Anna Azzopardi, l-aħwa Dario u Grecia Bezzina, Ina Robinich, Dominic Cini u Kim Cortis, bis-sehem tal-kitarrist Aldo Spiteri.
”Il-ħsieb tal-kanzunetta hu li għal dawn iż-żminijiet ta’ festi noffru xi ħaġa mużikali lis-segwaċi tagħna, bl-għan li t-tema tal-kanzunetta, tinġarr magħna tul is-sena kollha mhux biss fiż-żmien tal-Milied” – jistqarr Wayne Aquilina, il-prodottur u l-preżentatur ta’ ESPRESSO, il-programm ta’ kull filgħodu fuq ONE.
Filfatt, it-tema tal-kanzunetta titkellem u tħeġġeg dwar kif l-ispirtu sabiħ ta’ dawn iż-żminijiet għandna nżommuh magħna tul is-sena, biex b’hekk ninsew id-differenzi ta’ bejnietna, niftakru f’min jinsab waħdu, ngħixu verament ta’ nsara u l-ispirtu festiv inħalluh magħna biex insibu paċi u sliem tul is-sena kollha.