Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-proġett tat-turbini tar-riħ li qed isir f’Montenegro, huwa turija ċara tal-impenn tal-Gvern Malti fil-qasam tal-enerġija.
Il-proġett, li qed isir fuq medda ta’ 8 kilometri mill-Enemalta u x-Shangai Electric Power, flimkien ma’ Envision Energy, li hija kumpanija Ċiniża li tipproduċi turbini tar-riħ, tlesta f’inqas minn sena u permezz tiegħu, 23 turbina tar-riħ se jkunu qed jiġġeneraw 46 megawatt ta’ enerġija.
Meta żar l-aħħar preparamenti li qed isiru f’Montenegro qabel it-turbini jkunu jistgħu jibdew joperaw għall-ewwel darba, il-Ministru Joe Mizzi qal li dan il-proġett serva ta’ opportunitá lill-Enemalta biex tinvesti f’enerġija nadifa u biex fl-istess ħin tkompli tirrendi aktar fondi permezz ta’ dan l-investiment sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi.
Huwa qal li jinsab sodisfatt dwar il-mod ta’ kif tmexxa dan il-proġett u fil-fatt, fil-ġranet li ġejjin se tiġi deċiża d-data tal-ftuħ uffiċjali.
Matul iż-żjara tiegħu f’Montenegro, il-Ministru Joe Mizzi kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Ekonomija Dragica Sekulic li matulha, ġie mfaħħar ix-xogħol li sar fuq dan il-proġett.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Sekulic qalet li l-poplu ta’ Montenegro huwa entużjast biex jara dan il-proġett jiffunzjona biex eventwalment, ikun qed jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Ritratti – MEW