Il-kunsill lokali ta’ Pembroke għadu jemmen li l-iżvilupp tad-DB City Centre li huwa propost li jsir fis-sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’din il-lokalità għadu sproporzjonat meta mqabbel mal-madwar u l-kumplament tal-lokalità.
Dan minkejja li l-kunsill innota l-emendi li saru fil-proposti fosthom: iż-żieda tal-ispazju pubbliku b’40%, tnaqqis fl-għoli tat-torri u d-distanza li nfetħet bejn it-torri u l-lukanda llum ifissru li d-dell li jikkawża f’xi ħinijiet.
Dan ifisser li l-proġett ġie varjat minn kif kien propost orġinarjament wara diversi proposti li għamel il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke.
Intant fi tweġiba għall-istqarrija tal-kunsill lokali ta’ Pembroke, il-grupp DB wieġeb għat-tħassib tal-kunsill fosthom l-iżvilupp ta’ mini taħt l-art.
Il-grupp DB qal li dwar dan Infrastruttura Malta qed twettaq studji dwar dan l-iżvilupp u għalhekk it-tħassib tal-kunsill qed jiġi indirizzat.