Xhur biss wara li beda l-proġett ta’ riġenerazzjoni fl-Isla, dan l-istess proġett issa dieħel fit-tieni fażi tiegħu li se tinkludi r-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Giorgio Mitrovich b’nefqa ta’ miljun u tmien mitt elf ewro.
Il-proġett se jwelled ukoll spazju miftuħ ġdid li ma kienx jeżisti qabel bdew ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi spjega x’ser tinkludi t-tieni fażi ta’ din ir-riġenerazzjoni estensiva.
“Il-pjazza ovvjament ħa ngħaddu s-servizzi kollha ġodda, tal-ilma, għall-ilma tax-xita, tad-dawl, ħa jkunu kollha taħt l-art. Ħa tiġi pavimentata l-pjazza kollha, ħa tiġi embellished il-pjazza kollha. Effettivament ukoll imbagħad in-naħa t’hawn fuq fejn is-Sengleani jafu li hemm il-pitch tal-boċċi hemmhekk ser tkun qed tiġi maħluqa pjazza oħra żgħira illi minna l-pubbliku inġenerali nkluż persuni b’diżabilità ħa jkollhom il-possibilità t’aċċess biex jitilgħu hawn fuq liberament igawdu s-sbuħija li hawn fid-daħla tal-Isla.”
Cauchi qalilna meta dawn ix-xogħolijiet mistennija jitlestew biex ikunu jistgħu jitgawdew.
“Din l-ewwel fażi qegħdin naraw li għandha tkun lesta sal-aħħar ta’ Mejju jekk dejjem ma jinqala xejn u fl-istess waqt inkunu viċin ħafna li nibdew bit-tieni fażi. Għal darb’ oħra, jekk ma jinqala xejn it-tieni fażi qegħdin nipproġettaw li tkun lesta jekk mhux sal-aħħar ta’ din is-sena, sal-bidu tas-sena d-dieħla.”
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg tenna li hija prijorità għall-Gvern li jkompli jaħdem fuq proġetti simili li jagħtu lura lir-residenti l-wirt li ħallew missirijietna fl-aqwa kundizzjoni possibbli.
“L-Isla li qed tara investiment ta’ tlieta punt wieħed miljun ewro biex mhux biss jiġu restawrati s-swar imma anki l-mini li jagħtu aċċess għall-komunità, il-Pjazza Giorgio Mitrovich li ħa nkunu qed ninvestu wieħed punt tnejn miljun ewro biex tiġi riġenerata u mogħtija l-ispazju miftuħ, spazju għan-nies u anki hawnhekk propju fuq dan is-sur illi aħna qegħdin ħa jkun issa aċċessibbli għal kulħadd, xi ħaġa li qabel ma kinitx.”
Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-GHRC Anthony Agius Decelis, Glenn Bedingfield f’isem il-Fondazzjoni Kottonera u s-Sindku tal-Isla Clive Pulis li rrimarka kif din iż-żona li kienet kompletament magħluqa issa ser tkun aċċessibbli għal kulħadd inkluż anzjani u persuni b’diżabilità.