F’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-pulizija fil-komunità ġie spjegat lis-sindki u rappreżentanti ta’ lokalitajiet kif il-Korp tal-Pulizija se jniedi ħames taqsimiet oħra ta’ pulizija fil-komunità li bejniethom se jkunu qed jolqtu ħdax-il lokalità madwar il-pajjiż.
Il-proġett tal-pulizija fil-komunità ġie estiża għal-lokalitajiet ta’ Marsaxlokk, Birżebbuġa, Pembroke, Swieqi, Fgura, Rabat, Ħad-Dingli, Mtarfa, Mdina, Floriana u Valletta wara sejħa interna fil-korp għal uffiċjali interessati f’dan il-proġett.
L-ewwel proġett ta’ pulizija fil-komunità tħaddem fil-Mellieħa sena ilu fejn il-Pulizija wettqu diversi rondi bil-mixi, mexxew kampanja t’għarfien u taw diversi twissijiet.
Stħarriġ tar-riżultati mill-Mellieħa juru punti notevoli fosthom issaħħet il-fiduċja fil-pulizija u żdiedu r-rondi u l-għajnuna mill-pulizija.
Ir-riċerka wriet li r-residenti indikaw jippreferu jaraw aktar pulizija preżenti fit-toroq milli ġewwa l-għassa.
Waqt din is-sessjoni informattiva tkellem il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li spjega li dan l-istħarriġ juri li bis-saħħa tal-pulizija fil-komunità, il-Pulizija qed isiru jafu aktar lin-nies tal-komunità partikolari li jkunu qed iservu fiha.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif il-Ministeru organizza din is-sessjoni għaliex jemmen bis-sħiħ li l-pulizija u r-rappreżentanti tal-komunità jridu jkunu ponn wieħed fil-protezzjoni taċ-ċittadini. Fisser kif ħafna drabi l-pulizija huwa l-ewwel punt ta’ referenza għal persuna fi bżonn tal-għajnuna u għalhekk huwa kruċjali li s-servizz li jingħata jkun wieħed tajjeb u effiċjenti.
“Illum neddejna progett fejn se jkun hemm ħdax-il lokalita oħra li se igawdu min community policing. Se ikun hemm aktar persuni li iħossu l-preżenza tal-Pulizija fil-komunità tagħhom sabiex jikkolaboraw magħhom sabiex jagħtu servizz aħjar lil komunità.”