Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, nieda uffiċjalment is-servizz tal-Pulizija fil-komunità, magħruf bħala Community Policing, f’disa’ lokalitajiet oħra, li jinkludu lill-Kottonera, il-Ħamrun, il-Marsa, Ħal Tarxien, il-Kalkara, San Ġiljan u Santa Venera.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Servizz proattiv fejn il-Korp tal-Pulizija jkun aktar preżenti man-nies. Li jaħdem id f’id mal-komunità u ma’ dawk kollha li jgħixu u jirrisjedu fiha. Qed naraw li dan is-servizz sa sentejn oħra jkun estiż f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex.”
Is-Surġent responsabbli mill-estensjoni tal-Pulizija fil-Komunitajiet tal-Kottonera u l-Kalkara spjega li l-uffiċjali diġà bdew b’ħidma biex jidentifkaw żoni li se jiġu sorveljati iktar ħalli tinżamm aħjar l-ordni.
Is-Surġent Antonello Magri rrimarka, “Identifikajna hotspots illi ħa nibdew nagħmlu osservazzjoni aktar spissi. Il-pajżan mhux biss ġie l-għassa aħna diġà qed naraw xi problemi hemm u nippruvaw insolvuhom qabel jidħol rapport l-għassa.”
Is-Sindku tal-Marsa, waħda mil-lokalitajiet li se tibda tibbenefika minn dan il-proġett, laqa’ dan l-iżvilupp u tenna li ftit ġimgħat diġà ġiet stabbilita linja ta’ komunikazzjoni diretta bejn il-Pulizija u ċ-ċittadin.
Is-Sindku Josef Azzopardi sostna, “Għenuna wkoll fuq karozzi abbandunati u sitwazzjonijiet fejn kellna xi problemi fil-bandli u prattikament għandek il-Pulizija viċin tal-Kunsill Lokali, xi ħaġa li dejjem xtaqna u qed issir realtà.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li l-Pulizija trid taħdem mal-komunità biex il-Korp ikun aktar effettiv f’ħidmietu.
Il-Kummissarju spjega li l-għases sekondarji fil-passat ftit kienu jinfetħu imma issa qed jintużaw bħala uffiċini għall-Pulizija li jaħdmu fil-komunità, biex anki hemmhekk ikunu disponibbli li jiltaqgħu man-nies u jgħinu fejn ikun hemm bżonn.