Il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid miexi skont il-pjan oriġinali minkejja l-intoppi li kien hemm fil-bidu minħabba fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu meta tħaffret it-triq.
Gimgħatejn ilu beda x-xogħol infrastrutturali f’nofs it-triq prinċipali- l-ewwel minn tliet fażijiet ta’ xogħolijiet ewlenin fil-proġett. Fażi li mistennija titlesta sa Ġunju biex imbagħad tinqala’ u titlesta n-naħa l-oħra tat-triq.
Dan kollu bi pjan maħsub biex ma jinħoloqx inkonvenjent għas-sewwieqa; għan li s’issa intlaħaq għaliex il-biża ta’ konġestjoni tat-traffiku fiż-żona kienet evitata. Filfatt saru l-arranġamenti meħtieġa fil-pjan sabiex it-triq fl-ebda mument ma tingħalaq kollha għat-traffiku.
Ic-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis fakkar kif bil-kuntratt mogħti mill-Gvern, il-kuntrattur huwa marbut li jlesti x-xogħolijiet sa sena u tliet xhur minn meta jibda. Saħaq li biex ikun iminimizzat l-inkonvenjent għall-ħwienet, ix-xogħol qed jitħaffef kemm jista’ jkun.
Il-Ministru Helena Dalli fakkret kif biex ma jintilifx żmien, sakemm ħarġu l-permessi tal-Awtorità għall-ippjanar, saru xogħolijiet ambjentali, fuq ġnien il-Mediterran u xogħolijiet oħra ta’ preparazzjoni.