L-Unjoni Ewropea mistennija tiddikjara li l-proġett tal-pipeline tal-gass huwa eliġibbli għall-fondi Ewropej.
Kmieni l-Erbgħa filgħodu wara diversi diskussjonijiet bejn il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ġie kkonfermat li Malta għandha tgawdi minn deroga biex tikseb finanzjment Ewropew għall-proġett tal-pipeline li minnu huwa eventwalment li jgħaddi l-idroġenu.
Dan l-istazzjon huwa infurmat li issa jonqos vot fil-Kunsill Ewropew u fil-Parlament Ewropew wara negozjati li għalihom Malta nnegozjat l-argumenti tagħha b’suċċess, fosthom li dan il-proġett huwa ta’ interess komuni għall-kumplament tal-istati membri.
Ma’ ONE News, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li l-Gvern huwa impenjat biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
“Ifisser ukoll li qegħdin nagħtu possibilità u qegħdin nagħtu l-opportunità lil pajjiżna li jħares lejn sorsi ta’ enerġija nodfa. Li jiddikarbonizza s-settur tal-enerġija u fl-istess ħin jagħtina iktar serħan il-moħħ, biex il-ħidma ta’ dan il-Gvern tkompli ħalli nżommu prezzijiet stabbli għall-konsumaturi Maltin kollha.”
Il-kriżi t’għoli ta’ prezzijiet f’daqqa fil-qasam tal-enerġija ġiet esperjenzata f’pajjiżi ġirien Ewropej iżda mhux f’Malta, anki riżultat tal-hedging.
Il-Prim Ministru Robert Abela dejjem għamel dikjarazzjonijiet b’saħħithom anki fil-fora internazzjonali, fosthom fl-aħħar Kunsill Ewropew mal-mexxejja Ewropej, fejn saħaq li ż-żieda fuq il-prezzijiet tal-enerġija ma għandhiex tinxteħet fuq iċ-ċittadin.
Il-Ministru Dalli imbagħad qalet li l-Gvern qed jaħdem fuq l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-enerġija u jħejji favur l-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
“Ilna dawn ix-xhur ninsistu dwar il-ħtieġa li pajjiżna jħares lejn l-idroġenu u dan nistgħu nagħmluh jekk ikollna l-possibilità li nagħmlu pipeline li jkun hydrogen ready, li għada pitgħada la darba jkollna aċċess ukoll għall-idroġenu nadif, inkunu nistgħu nittrasportaw l-idroġenu lejn pajjiżna bħala sors t’enerġija.”
Xahrejn ilu l-Awtorità tal-Ippjanar approvat b’mod unanimu l-bini ta’ pipeline tal-gass taħt il-baħar bejn Malta u Gela fi Sqallija.
Il-pipeline mistenni jkun twil mija u disgħa u ħamsin kilometru u minnu hu pjanat li ma jgħaddiex biss l-gass tal-LNG iżda eventwalment l-idroġenu, riżorsa ferm iżjed nadif mil-LNG.
Fl-aħħar jiem, Matthew Caruana Galizia kiteb kontra l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-proġett Malti tal-pipeline tal-gass.
Quddiem dan l-attakk fuq il-proġett rewħet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li ħarġet twassal messaġġ kontra fuq it-tema tal-enerġija, bl-Oppożizzjoni kompliet tattakka wkoll il-proġett tal-powerstation tal-gass li jiġġenera l-elettriku b’enerġija ferm iżjed nadifa minn dik ta’ żmien GonziPN, il-heavy fuel oil.
Quddiem dan kollu, il-Kamra tal-Kummerċ u anki l-midja indipendenti ħarġet tappella għall-interess nazzjonali qabel il-partiġjaniżmu politiku u tennew il-ħtieġa li jkollna l-proġett tal-pipeline.
Saħqu li l-pjan tal-użu tal-pipeline għall-idroġenu jtejjeb il-vijabilità fit-tul tal-proġett tal-pipeline tal-gass, bil-Ministru għall-Enerġija tisħaq li dan il-proġett se jmexxina lejn il-ġenerazzjoni t’enerġija iktar nadifa konformi mal-impenn ta’ Malta favur il-Green Deal Ewropew.