Il-proġett ta’ konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex, li jgawdi l-appoġġ u l-mandat demokratiku tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin, qed jitwettaq bl-akbar reqqa u attenzjoni, fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u skont ir-regoli tal-ippjanar u l-ambjent ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li filwaqt li nnota t-tħassib riċenti ta’ għadd ta’ entitajiet dwar dan il-proġett li ilu jiġi ppjanat snin twal, il-ħidma ta’ ppjanar u studji għal dan l-iżvilupp importanti għall-familji Għawdxin ilhom għaddejjin diversi snin. Fil-fatt, l-istudji kollha meħtieġa, fosthom dawk tekniċi, ekonomiċi u ambjentali, saru jew qed jiġu ffinalizzati minn esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet konċernati u ser jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej bħala parti mill-proċess tad-determinazzjoni tal-permessi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jibda t-tħaffir tal-mina.
L-iżvilupp ta’ konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex huwa essenzjali sabiex il-familji f’Għawdex igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li jkollhom l-istess opportunitajiet soċjali u ekonomiċi tal-familji f’Malta. Eluf ta’ familji f’Għawdex ilhom snin ibatu minn diffikultajiet f’diversi oqsma tal-ħajja minħabba n-nuqqas ta’ konnessjoni affidabbli u permanenti bejn il-gżejjer Maltin.
Fis-snin li għaddew, l-ippjanar tal-proġett kien jinkludi ħafna studji, fosthom social impact assessment, cost-benefit analysis u ħafna oħrajn. Dawn l-istudji qiesu fost oħrajn il-viabilità tal-proġett, l-impatti pożittivi u negattivi li jista’ jkollu fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u oqsma oħra. L-environment impact assessment beda f’nofs is sena l-oħra u għandu jkollna eżitu preliminari fix-xhur li ġejjin.
Il-Gvern kompla jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-istudji ser ikunu l-bażi li fuqhom issir il-konsultazzjoni pubblika finali, u li skont ir-riżultati tagħhom l-awtoritajiet ser jieħdu d-deċiżjonijiet aħħarin dwar dan l-investiment infrastrutturali.
Il-Gvern qal li għandu mandat biex iwettaq dan il-proġett, li dwaru hemm qbil ukoll mill-Oppożizzjoni. Għalhekk, ser ikompli għaddej bl-ippjanar tiegħu bl-akbar attenzjoni u bl-aktar mod metikoluż sabiex jiġi żgurat li jitwettaq bl-aktar mod sostenibbli fl-aħjar interess tal-familji u n-negozji f’Għawdex.