Ġie fi tmiemu l-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender tal-proġett infrastrutturali tal-Imsida Creek, meqjus bħala żvilupp infrastrutturali sinifikanti għaż-żona li jinsab fiha.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, immexxi mill-Ministru Chris Bonett.
Dan il-proġett fl-Imsida li se jiswa madwar ħamsa u tletin miljun ewro mistenni jibda lejn tmiem l-ewwel nofs tas-sena u jkun konkluż f’madwar tletin xahar. F’din l-istqarrija ntqal kif wara evalwazzjoni dettaljata rriżulta li EPE JV laħaq il-kriterji stabbiliti biex iwettaq dan il-proġett.
Dan il-proġett fl-Imsida, li se jara l-bini ta’ flyover ġdida biex tieħu post il-junction tat-traffic lights, mexa pass eqreb lejn il-bidu mit-twettiq tiegħu. Dan hu l-ewwel proġett infrastrutturali u maġġuri li jkopri ftehim għal rabta ta’ għaxar snin biex isir xogħol ta’ operat u manutenzjoni.
Il-proġett se jaħseb għal faċilitajiet ta’ modi alternattivi ta’ vjaġġar bħaċ-ċikliżmu u l-mixi u jinkludi r-riġenerazzjoni tal-akkwati f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u żoni ġodda ta’ rikreazzjoni, skont il-permessi approvati. Madwar sittin fil-mija ta’ dan il-proġett se jkun iddedikat għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli.
Quddiem il-Knisja tal-Imsida se ssir pjazza, kif ukoll kanal tal-ilma b’tul ta’ tliet mitt metru. Apparti li se jifforma parti minn pjan biex jiġu evitati l-għargħar, il-kanal se jkun imdawwar b’mogħdijiet aċċessibli għall-pubbliku f’nofs żoni ta’ rikreazzjoni.
Il-Ministru Bonett spjega kif dan l-investiment jifforma parti mill-impenn ta’ dan il-Gvern biex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tat-toroq.