Il-Federation for Hunting and Conservation, L-FKNK ħabbret li l-proġett mniedi fl-2021, dak tat-’Turtle Doves Captive-breeding and Release into the Wild’ qed jħalli l-frott tiegħu fejn jidħol l-fehim tal-passa u l-pajji#i tat-tnissil tal-gamiem. Dan permezz ta’ teknoloġija nnovattiva mwaħħla mal-frieħ rilaxxati fis-selvaġġ.
Fl-2021, l-FKNK irrilaxxat 10 gamimiet u fl-2022 kien rilaxxati 8 oħra. Fi stqarrija l-FKNK qalet kif tlieta minn dawn il-ħlejqiet taw riżultat inkoraġġanti għall-aħħar. Dawn jindikaw li r-’reference population countries’ għandhom jinkludu ukoll il-BUlgarija u l-Kosovo. Apparti dan, tnejn oħra waqfu fuq il-Bosnija-Ħerżegovina, li jfisser li dan l-pajjiż għandu jiżdied mal-lista wkoll.
Ir-’reference population countries’ huma l-pajjiżi minn fejn il-gamiem ipassi għal fuq il-gżejjer Maltin.
Irrimarkaw ukoll kif it-teknoloġija li ġiet installata tiprovdi informazzjoin real-time dwar l-imġiba tal-għasafar, il-movimenti, il-ħeffa tat-titjira, l-altitudni u l-post, kif ukoll it-temperatura tal-għasafar u l-post fejn jinsabu.
Fl-aħħar, FKNK rrigrazzjat lill-membri tagħha li huma dedikati għat-tmexxija b’suċċess tal-proġett. L-għaqda rringrazzjat ukoll lill-membri l-oħra kollha li jikkontribwixxu b’donazzjoniet lejn il-Proġett fuq bażi annwali.