Twaqqif ta’ Property Malta
Flimkien mal-MDA se titwaqqaf entità bl-isem ta’ Property Malta li tagħmilha ta’ katalist biex inħajru barranin jiġu jgħixu u jinvestu fil- gżejjer tagħna. L-għan hu li Property Malta tieħu sehem f’attivitajiet internazzjonali ta’ promozzjoni u reklamar biex nattiraw investituri u nies li jixtiequ jixtru holiday homes biex dawn in-nies jistabbilixxu ruħhom f’Malta.
Il-Life Sciences Park
Fix-xhur li ġejjin hemm prospetti qawwija li se jkomplu jiżdiedu l- kumpaniji li joperaw mil-Life Sciences Park wara ħidma qawwija minn Malta Enterprise biex tattira aktar investiment fis-settur tar- riċerka u l-innovazzjoni. In- National Skills Council se jevalwa l-ħiliet u l-ħtieġa tar-riżorsi umani fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-qasam tal-gaming
Is-sena li ġejja l-Awtorità tal-Gaming se tkun qed taħdem fuq riformi fil-qafas regolatorju li jagħrfu l-bżonnijiet tal-industrija u li permezz tagħhom ikollha l-mezzi u s-setgħat meħtieġa biex tilħaq l-għanijiet tagħha skont il-liġi. Barra minn hekk il-qafas leġiżlattiv se jindirizza r-regolamentazzjoni tal-logħob b’mod li ma joħnoqx l-innovazzjoni fis-settur waqt li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni ta’ min jilgħab u l- enfasi fuq logħob b’mod responsabbli.
Ekonomija diġitali
Fil-qafas tal-iStrateġija Nazzjonali Diġitali – Digital Malta, qed titwettaq il-viżjoni li pajjiżna jkun imsaħħaħ bl-użu tat-teknoloġija f’kull qasam tas-soċjetà.
Biex titwettaq l-aġenda diġitali tal-pajjiż se jkompli jissaħħaħ in-network u d-data centres tal-Gvern biex dan in-network ikun iktar effiċjenti u joffri aktar business continuity.
Biex insaħħu l-pożizzjoni tagħna fejn jidħlu riskji li ġejjin mid-dinja tal-informatika, se nniedu l-istrateġija tas-Cybersecurity u tul is- snin li ġejjin se niffukaw fuq l-implimentazzjoni tagħha.
Komunikazzjoni
Se tkompli tiżdied il-firxa ta’ WiFi hotspots.
Se nkomplu wkoll il-proġett li jassigura konnettività internazzjonali akbar permezz ta’ cable sottomarin ġdid bejn Malta u Marsilja u qed tiġi evalwata kull possibilità ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Il-ħsieb wara dan il-proġett hu li jkollna għażla iktar wiesgħa u effiċjenti.
Qasam Industrijali tax-Xewkija
Se tkun estiża ż-żona Industrijali tax-Xewkija fuq żewġ binarji b’investiment ta’ €16-il miljun għal business workshops ġodda u għal servizzi finanzjarji, ICT, riċerka u taħriġ.
Tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ għall-ħwienet
Se nimplimentaw tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ għall-ħwienet u postijiet kummerċjali oħra u b’hekk jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi kummerċjali u tal-pubbliku u tal-ħaddiema kkonċernati.