Wasal fl-aħħar fażi l-bini tal-estensjoni tar-residenza ta’ San Vinċenz de Paul b’investiment ta’ iżjed minn €30 miljun.
Il-proġett jinkludi l-binja ta’ erba’ blokok ġodda b’500 sodda fuq spazju ta’ iżjed minn 33,000 metru kwadru.
Fi żjara fuq is-sit il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, il-Perit tal-proġett Darren Sciberras qal li l-proġett huwa prattikament komplut.
Is-Sur Sciberras spjega: “Għandek 33,500 metru kwadru li jinkludu erba’ blokki u basement. Is-servizzi huma kollha kompluti, għandek numru tajjeb ta’ sulari u wards li huma kompletament finished. Ovvjament wasalna fil-perjodu fejn qed indaħħlu l-għamara u l-furninshing state u tista’ tgħid li ilna ħdax-il xahar u anka bic-challenges li kellna tal-issue tal-pandemija għamilna avvanzi tajjeb u l-proġett huwa kważi komplut.”
Id-disinn tal-blokok sar b’tali mod li jkun jista jgħaddi d-dawl naturali.
Dan filwaqt li hemm ukoll faċilitajiet ġodda fosthom pixxina li se sservi għall-eżerċizzju kif ukoll għal fiżjoterapija.
Fl-estensjoni l-ġdida se jkun hemm mas-70 kamra għal madwar 140 persuna bid-dimensja u kull blokka se jkollha mal-200 sala.
Kull kamra se tkun kbira mal-50 metru kwadru, 6 metri kwadri iżjed minn dak iffissat bħala l-minimu f’linji gwida.
Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza Josianne Cutajar spjegat li l-binja l-ġdida se tkun mgħammra b’apparat tal-aħħar teknoloġija.
Hija stqarret: “F’din l-estensjoni ta’ San Vinċenz qegħdin naraw faċilità li se toffri kura medika fit-tul lill-anjzani ta’ dipendenza għolja. Dan il-kumpless ġie ppjanat, diżinjat u attrezzat b’dik it-teknoloġija li ħa tkun tista’ tipprovdi din il-kura medika u qed nistennew li fi tliet ġimgħat jew erba’ ġimgħat nibdew indaħħlu lil dawn l-anzjani.”
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Parnis sostna li minkejja l-isfidi li kien hemm tul il-proġett fosthom il-pandemija tal-Coronavirus, il-proġett se jitlesta fil-ħin.
L-Onor. Parnis sostna: “Qegħdin naħdmu biex l-anzjanità tagħna tkun anzjanità tal-ogħla livell. Qegħdin naħdmu biex verament ikollna r-riżultati.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li fid-dawl li l-popolazzjoni Maltija qed tkompli tixjieħ, il-Gvern ħaseb sabiex jinvesti fl-anzjani għax dawn jixirqilhom l-aħjar.
Il-Ministru Falzon qal: “Dan huwa investiment li jekk Alla jrid ikun lest minn hawn u ftit ieħor. Żgur se jibgħat messaġġ ta’ kemm nirrispettaw lill-anzjani tagħna.”