Il-proġett tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-Barbaġann fis-selvaġġ immexxi mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ġie magħżul mill-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni, il-FACE, bħala l-proġett tax-xahar bħala parti mill-Manifest tal-Bijodiversità tal-FACE.
Dan tħabbar fi tqarrija mill-FKNK, hekk kif intqal li ta’ kull xahar il-FACE tagħżel proġett ta’ konservazzjoni mwettqa minn assoċjazzjonijiet tal-kaċċa fl-Ewropa bħala l-proġett tax-xahar. Dawn il-proġetti jenfasizzaw xi wħud mill-ħafna inizjattivi kbar li qegħdin jagħmlu l-kaċċaturi biex jippreservaw il-bijodiversità.
Fl-2015, l-FKNK ġiet fdata l-amministrazzjoni tar-Razzett tal-Bagħal ġewwa l-Buskett fejn dan ġie assenjat bħala l-faċilita għat-tnissil fil-magħluq ta’ din l-ispeċi, b’dan il-proġett huwa konstantament segwit mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA.
Fl-2020 ntelqu l-ewwel frieħ fis-selvaġġ u fl-2021 u fl-2022 intelqu 15 il-ferħ fis-selvaġġ li ġew imnisla minn suġġetti magħżula bħala sotto-speċi li huma residenti fil-Mediterran.
L-FKNK qalet li din is-sena se jtelqu aktar frieħ li se jkollhom tagħmir satellitari biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-atteġġjament tal-barbaġann, speċjalment minħabba li dawn ikunu attivi matul il-lejl.