Reazzjonijiet pożittivi wara li tħabbar il-proġett taċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura fil-Marsa, fost oħrajn, mid-dilettanti tal-Karnival.
Dan għax il-kumpless se jinkorpora fih imħażen għall-karrijiet tal-Karnival, post għar-rehearsals taż-żfin li jipparteċipaw fl-avveniment tant mistenni kull sena fi Pjazza San Ġorġ u anke biex ħajjata speċjalizzati jkunu jistgħu joħolqu l-kostumi kkuluriti fir-“renju tal-bluha”.
Dwar dan ONE News, tkellem mad-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil.
Qal, “Riedna nipprovaw li nakkomodaw lil kulħadd. Jiġifieri qabel, anke fejn iħitu l-kostumi, fejn isiru r-rehearsals taż-żfin, kien qed ikollna ħafna problemi. Allura, riedna li l-proġett ikun wieħed ħolistiku u li jkollu l-elementi tal-Karnival ġo fih.”
Busuttil sostna li l-fatt li dan iċ-ċentru se jiġbor flimkien lill-artisti se jsaħħaħ aktar din it-tradizzjoni nazzjonali.
Qal, “Dan hu ċentru fejn se jkun hemm kull tip ta’ arti ġo fih, li anke għall-Karnival ħa jagħmel ġid li ħa jkollok diversi kulturi differenti, diversi artisti differenti jaħdmu qatigħ.”
Dan il-proġett taċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura, li wkoll se jtejjeb l-ambjent taż-żona ta’ Albert Town u l-kwalità tal-ħajja tal-Marsin, se jsir b’investiment ta’ €15-il miljun, li wkoll ġejjin minn fondi Ewropej.