Il-proġett ta’ restawr tal-iskola tal-arti, b’investiment ta’ €5 miljun miexi b’ritmu tajjeb ħafna tant li mistenni jkun lesti fix-xhur li ġejjin.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici spjega li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed twettaq proġett ta’ restawr u ta’ tisbiħ tal-binja li kien palazzin ta’ kavallier Franċiż.
Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil tas-sistemi tad-dawl u tal-ilma, ftuħ ta’ kmamar ġodda, installazzjoni ta’ lifts u spazji moderni u komdi f’ambjent li jirrispetta l-wirt storiku.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern hu determinat li jsaħħaħ it-tagħlim tal-arti viżiva u performattiva f’pajjiżna u dan il-proġett hu turija tar-rieda tal-Gvern f’dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni semma numru ta’ xogħlijiet infrastrutturali fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva.
Il-Kap tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, li tagħmel parti minnu l-Iskola tal-Arti, Victor Galea, qal ukoll li f’din l-iskola jattendu tmien mitt student u issa dawn se jkunu jistgħu jiżviluppaw f’ambjent li mhux ta’ periklu għalihom.
L-iskola toffri diversi korsijiet tal-arti li jwasslu għal kwalifikazzjoni minn Livell 1, li hu bażiku, sa Livell 5, li hu ekwivalenti għal diploma.
Mill-ftuħ tagħha, l-iskola ħalliet influwenza kbira fir-riċerka artistika fuq l-arti viżwali f’Malta.
Permezz tagħha, bosta studenti ħadu boroż ta’ studju u komplew jimirħu barra minn Malta.