Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru l-Menqa tal-Port tal-Imġarr fejn Infrastruttura Malta qed twettaq xogħlijiet fuq proġett ta’ €6 miljun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd u mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Ian Borg qal, “L-impenn ta’ dan il-gvern hu li nagħtu infrastruttura aħjar lil pajjiżna u lin-nies. Irridu li l-infrastruttura, jekk hux dik tat-toroq, dik pubblika jew dik marittima, ittejjeb il-livell tal-għajxien ta’ pajjiżna filwaqt li ssaħħaħ il-prodott turistiku tagħna. Bħal kull ħaddiem u kull settur ekonomiku ieħor, is-sajjied u s-sajd huma importanti għalina. B’din il-ħidma u oħra madwar pajjiżna qed naraw li dejjem ikollhom aktar faċilitajiet biex iwettqu l-ħidma tagħhom li minnha jaqilgħu l-għajxien.”
Fakkar f’numru ta’ proġetti oħra li Infrastructure Malta qed twettaq fis-settur marittimu, fosthom il-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten f’Marsaxlokk, il-bini ta’ mollijiet f’Wied il-Għajn u f’San Ġiljan u l-proġetti lesti fuq il-mollijiet ta’ Mġarr ix-Xini u l-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lil Infrastructure Malta li flimkien mal-ħidma tagħhom qed jiġu investiti madwar €6 miljun ta’ fondi lokali u fondi Ewropej fl-Imġarr għall-bini mill-ġdid ta’ slipway u tal-mollijiet kif ukoll biex isir it-tħammil tal-port. Qal li dan se jiġi kkumplimentat b’installazzjoni ta’ numru ta’ demountable pontoon systems biex il-marina tkun aktar organizzata. Il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett mistenni jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla. Semma interventi oħra maħsubin għal dan is-settur fosthom l-immodernizzar ta’ cold stores. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li bħalissa qed isiru d-diskussjonijiet mal-uffiċjali konċernati biex jiġi identifikat it-tagħmir l-aktar adekwat li hawn preżenti fuq is-suq.
Bħala parti mill-proġett tal-Menqa tal-Port tal-Imġarr se jiġu installati 4 puntuni ġodda. Sadanittant, il-proġett se jtejjeb l-aċċessibilità u s-sigurtà ta’ dan il-port u se jżid faċilitajiet ġodda għas-separazzjoni u r-rimi tal-iskart iġġenerat mis-sajd. It-titjib fl-organizzazzjoni ta’ din il-parti tal-port mhux biss se tkun ta’ għajnuna għas-sajjieda iżda se tkun qiegħda ttejjeb il-kwalità estetika tal-post ukoll.