Il-proġett ta’ Siġar u Arbuxelli Indiġeni Maltin amministrat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, FKNK, ġie magħżul mill-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni, FACE, bħala l-proġett ta’ dan ix-xahar ta’ Marzu. Dan bħala parti mill-Manifest tal-Bijodiversità tal-FACE.
Fi stqarrija l-FKNK qalet kif kull xahar il-FACE tagħżel proġett ta’ konservazzjoni relatat mal-kaċċa fl-Ewropa bħala l-proġett tax-xahar. Dawn il-proġetti jenfasizzaw xi wħud mill-ħafna inizjattivi kbar li qed jagħmlu l-kaċċaturi biex jippreservaw il-bijodiversità.
Spjegaw kif fl-2019, b’kollaborazzjoni ma’ NGO oħra, ACT, l-FKNK ħadet sehem fi programm nazzjonali, is-Saġġar, li għandu l-għan li jħawwel 1,000,000 siġra indiġena u arbuxxelli minn stokkijiet indiġeni lokali fuq perjodu ta’ 10 snin, f’żoni rurali u urbani tal-gżejjer Maltin. B’hekk, l-FKNK bdiet fuq il-proġett pilota tagħha tal-Mixtla u stabbiliet mixtla żgħira fir-Razzett tal-Bagħal (Binja rinovata tas-seklu 16, tal-Kavallieri ta’ Malta amministrata mill-FKNK.
Intqal kif fir-rebbiegħa tal-2020, il-Mixtla rat tkabbir mill-ġerminazzjoni taż-żerriegħa u l-propagazzjoni ta’ assemblaġġ ta’ Żnuber, Ballut, Rand, Alaternu, Siġar tat-Tin, Ħarrub, Riħan u Lewż. Inkoraġġiti bis-suċċess tal-proġett pilota, sat-tieni kwart tal-2020, l-FKNK laħqet ftehim mal-Ministeru tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar (MECP), b’riżultat ta’ liema l-FKNK issa ġiet fdata b’żona maġenb ir-Razzett tal-Bagħal li hija ideali biex isostni t-tkabbir tal-Mixtla.
F’Diċembru 2020 l-FKNK bdiet tiġbor eluf ta’ żerriegħa minn siġar u arbuxelli indiġeni mill-ġonna tal-Buskett u l-inħawi.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jitkabbru ‘il fuq minn 8,000 siġra u arbuxxell fl-2021. Il-FKNK diġà qassmet b’xejn, mijiet minn dawn is-siġar indiġeni mkabbra fuq il-post fil-Mixtla, lil kaċċaturi u membri tal-pubbliku inġenerali biex jitħawlu f’żoni rurali u urbani ta’ l-għażla tagħhom, filwaqt li jedukaw u jqajmu kuxjenza dwar l-ispeċi rispettivi.