Il-kapaċità installata fil-proġett tal-windfarms fuq il-baħar se tkun ta’ 300 megawatt, li hu darba u nofs tal-qawwa pprovduta mill-interconnector illum il-ġurnata. Dan intqal mill-Inġinier Chris Spiteri mill-entità Interconnect Malta, waqt li kien qed jieħu sehem fil-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet ta’ ONE it-Tlieta.
L-Inġinier Spiteri sostna li dan l-investiment kbir u bla preċedent minn pajjiżna se jipprovdi madwar terz tal-konsum annwali tal-enerġija lokali.
Hu kien qed jintervjeni b’rabta mal-aħbar li ħarġet minn mistoqsija Parlamentari t-Tnejn dwar kif il-proċess għat-twettiq tal-proġett baqa’ għaddej b’mod kontinwu fl-aħħar xhur.
Waqt li spjega li l-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ fuq il-baħar hi aktar kumplessa, Spiteri qal kif hemm sfidi loġistiċi bħal trasport u installazzjoni f’ambjenti li jistgħu jkunu diffiċli, anke meta wieħed iqis li d-daqs ta’ kull turbine blade hi ta’ madwar 120 metru u l-istrutturi finali jistgħu jlaħħqu mat-300 metru, id-daqs tat-Torri Eiffel.
L-inġinier minn Interconnect Malta sostna li meta dan il-proġett ikun lest, kull unit ta’ enerġija li tiġi prodotta mir-riħ, u allura b’mod nadif, se tnaqqas l-użu minn pajjiżna tal-fjuwils fossili.
F’dan ir-rigward, hu fakkar kif, minbarra li fiż-żmien li ġej se tirdoppja l-enerġija permezz tat-tieni interconnecter, il-Gvern diġà investa b’mod qawwi fl-enerġija li ġejja minn sorsi alternattivi, bħall-għajnuna li tingħata liċ-ċittadini u n-negozji għall-pannelli fotovoltajiċi.
Fl-istess ħin qal li għaddejja wkoll ħidma fuq batteriji fuq skala industrijali biex tinħażen l-enerġija għal meta jkun meħtieġ.