Il-proġett ‘Mal-Melodija’ ġie mniedi s-sena li għaddiet bil-għan li l-istudenti Maltin jitqarrbu lejn il-letteratura Maltija ’lil hinn mill-kuntest ta’ klassi, hekk kif din tingħaqad mal-mużika. Dan il-proġett laħaq il-qofol tiegħu hekk kif iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti organizza b’suċċess attività permezz ta’ lezzjoni kunċert imtella’ mill-grupp Kantera quddiem ħames klassijiet ta’ studenti fit-tmien sena fi ħdan l-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-lingwa Maltija, il-folklor, il-mużika, l-arti u l-kultura kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru Kevin Mahoney.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif ‘Mal-Melodija’ oriġinarjament inħoloq bħala proġett pilota biex jgħaqqad żewġ aspetti ewlenin tal-arti u l-kultura: il-letteratura Maltija u l-mużika. Illum, dan il-proġett żviluppa u sar parti integrali mill-kurrikulu tal-Malti. “L-inizjattiva mhux biss tgħin lill-istudenti japprezzaw aktar il-letteratura u l-mużika, iżda tkompli ssaħħaħ l-identità kulturali tagħna, u tagħti spazju lill-kreattività u t-talent artistiku f’ambjent edukattiv,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
L-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Maris Camilleri qalet li, ‘‘Bis-sehem tal-grupp Kantera għall-għeluq tal-attività għal din is-sena skolastika, il-proġett diġà beda jifrex għeruqu ’l barra mill-konfini tal-letteratura Maltija u jidħol ukoll fil-qasam tal-lingwa nnifsu. U dan apparti fid-dimensjonijiet multidixxiplinarji, illi lezzjoni interattiva b’differenza bħal din jista’ jirnexxielha ssensel u tamalgama, filwaqt li tqanqal l-interess ta’ tfal b’abbiltajiet u/jew inklinazzjonijiet diversi.” Dan għaliex, kif semmiet hi, il-prestazzjoni tal-lezzjoni kunċert ġabet flimkien l-għarfien dwar l-istrumenti tradizzjonali Maltin, l-istil tal-mużika folkloristika, it-tradizzjoni orali u apprezzament lejn kif l-idjomi u l-qwiel Maltin jorqmu u jagħtu kulur lill-ilsien nazzjonali tagħna.

Min-naħa tagħha, Charmaine Pisani Grixti, il-Kap tal-Iskola Medja, Dr. Maria Sciberras, f’Ħal Kirkop, fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, stqarret li kien ta’ unur li l-Iskola Medja ta’ Ħal Kirkop ingħatat l-opportunità tkun l-ewwel skola f’Malta li tkun parti mill-proġett ‘Mal-Melodija’. “Permezz ta’ dan il-proġett, studenti tat-tmien sena kellhom iċ-ċans jesperjenzaw il-poeżija Maltija b’mod differenti. Il-poeżiji mis-sillabu tal-Malti stess ngħataw iktar ħajja permezz tal-mużika, u għaldaqstant rajna li l-istudenti kienu aktar parteċipi, filwaqt li ħadu gost jitgħallmu iktar mis-soltu.”
Filwaqt li l-Iskola Medja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu kienet l-iskola ewlenija li bbenefikat u ħadet sehem f’din l-ewwel attività tax-xorta tagħha, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti se jkun qiegħed jimraħ fi skejjel oħrajn sabiex jitqarrbu lejn il-lingwa Maltija u l-arti tal-letteratura b’inizjattivi bħal dawn.