It-tħejjijiet għat-tieni interconnector waslu f’fażi ġdida, hekk kif Interconnect Malta (ICM), il-kumpanija tal-Gvern li qed tmexxi dan il-proġett, waslet biex tiffinalizza s-sejħa għall-akkwist tal-cable fil-baħar b’valur stmat ta’ madwar €185 miljun.
Bħala parti minn dan il-proċess, li b’kollox se jiswa mat-€300 miljun, li aktar minn nofshom ġejjin minn fondi Ewropej, ICM ħarġet dik li tissejjaħ prior information notice għat-tender.
Dan hu stadju ta’ akkwist fejn fornituri potenzjali jiġu avżati minn qabel dwar l-opportunità li tkun se tkun qed tinħareġ daqt. F’dan il-każ, imbagħad, issegwi sejħa għall-offerti għall-cable li se jitpoġġa f’qiegħ il-baħar.
F’dawn il-jiem ICM ħarġet ukoll prior information notice oħra relatata mal-proġett, din id-darba għat-tender tal-provvista u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ suppressjoni tan-nar, 220kV switchgear, fire walls f’Ragusa u l-aġġornament tas-sistema ta’ kontroll.
B’rabta ma’ dan l-iżvilupp, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat li t-tieni interconnector hu proġett kruċjali fil-pjan Malti biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri klimatiċi ta’ pajjiżna, filwaqt li jiġi indirizzat it-tkabbir fid-domanda għall-enerġija marbuta mar-realtà ta’ ekonomija li qegħda tikber b’rata qawwija u anke l-elettrifikazzjoni tal-mezzi ta’ trasport.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinvolvi t-tqegħid ta’ cable ta’ tensjoni għolja ta’ 121 kilometru, b’99 minnhom fil-baħar, li se jkun qed iwassal l-elettriku ta’ 220 kV bejn Malta u l-Italja.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, l-lnġinier Ismail D’Amato, qal li dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali se jikkonsolida s-sigurtà tal-provvista billi jirdoppja l-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew.