Aktar minn 8,000 student ibbenefikaw minn counselling permanenti fl-iskejjel tagħhom permezz tal-Proġett Blossom, li issa se jestendi s-servizz psiko-soċjali tiegħu għal tliet skejjel fi tliet kulleġġi ġodda. Dawn huma Primarja ta’ Birkirkara tal-Kulleġġ Santa Tereża, il-Primarja ta’ St Thomas More Tarxien, u s-Sekondarja ta’ Pembroke tal-Kulleġġ Santa Klara u b’hekk dan is-servizz se jipprovdi sapport kruċjali għal aktar tfal tal-iskola fil-bżonn.
Imwaqqaf għall-ewwel darba fil-Primarja ta San Pawl il-Baħar fl-2016, dan il-proġett minn dakinhar espanda tul is-snin biex jappoġġja studenti fi 12-il skola, grazzi għas-sapport ta’ negozji u l-gvern, li jiffinanzjaw is-salarji tat-tim ta Blossom, li jinkludi counsellors, psikoterapisti, terapisti tal-familja, u psikologi kliniċi u ta’ counselling.
Marie-Louise Coleiro Preca, il-president ta’ The Malta Trust Foundation, u l-ħsieb wara il-Proġett Blossom
Hekk kif The Malta Trust Foundation timmarka l-10 anniversarju tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, il-president ta’ The Malta Trust Foundation, u l-ħsieb wara il-Proġett Blossom stqarret li hija kburija ħafna li tara lil Blossom jidħol f’fażi ġdida ta’ tkabbir permezz ta’ Public Social Partnership mal-gvern, li se tippermetti lill-fondazzjoni tkompli tespandi s-servizzi tagħha.
Madankollu, waqt konferenza stampa llum fil-Kulleġġ Santa Klara fejn tħabbar l-estensjoni tal-proġett, is-Sinjura Coleiro Preca enfasizzat li t-tkabbir tal-proġett jiddependi fuq l-assigurazzjoni ta’ finanzi sostenibbli, u ħeġġet lill-entitajiet privati biex jimxu ‘l quddiem u jinvestu biex jiżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma jkun nieqes mill-kura u l-gwida essenzjali għall-benesseri tagħhom.