Fetħet il-konferenza dwar il-proġett ‘Integrating Silver Knowledge from Agro-Ecology into the VET Systems’ (AgroSilver) li ttellgħet fil-gżira Għawdxija.
Il-proġett AgroSilver kellu l-għan li jipprovdi metodi u materjal ġodda għall-iżvilupp tas-settur agrikolu u ffoka prinċipalment fuq kontenut u għodod innovattivi biex jappoġġjaw lill-istudenti fit-tagħlim tagħhom anke b’iżjed kontenut informattiv u viżiv.
Il-filmati, li nġibdu għandhom kontenut informattiv ħafna kemm għall-istudenti, għad-dilettanti u l-komunitajiet, kif ukoll għas-settur tal-biedja inġenerali fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċja.
Id-Direttorat Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien benefiċċjarju tal-proġett AgroSilver li ffoka fuq is-setturi edukattivi, ambjentali u agrikoli li jaffettwaw b’xi mod jew ieħor lill-komunità globali.
Waqt li indirizza l-aħħar laqgħa tal-proġett, il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz tal-proġett AgroSilver l-imsieħba involuti qasmu l-aqwa prattiċi u metodi tal-biedja li jintużaw fil-pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru sostna li għalhekk jittama li dan il-proġett ikun ta’ benefiċċju għall-għanijiet komuni tagħna, fosthom l-isfida tat-tibdil fil-klima, nixfa u sfidi oħrajn li jiffaċċja s-settur minn żmien għall-ieħor.
“Huwa ta’ pjaċir ukoll li proprju llum dan l-istess seminar qiegħed isir ġewwa il-gżira ta’ Għawdex biex inkunu nistgħu naqsmu t-tagħtrif minn Għawdex għal pajjiżi madwar l-Ewropa kif ukoll anke aħna stess nitgħallmu minn pajjiżi oħrajn kif qed jindirizzaw ċerti problemi. ”
Waqt li l-aħħar laqgħa saret it-Tnejn fiċ-Ċittadella, il-proġett se jiġi fi tmiemu fl-aħħar tax-xahar id-dieħel.