Il-Proġett Agrihub fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura tnieda fl-2020. Dan il-proġett kien ta’ suċċess f’kull aspett, u ħareġ bħala pijunier lokali fl-avvanz tal-innovazzjoni fi ħdan is-settur Agrikolu. Iggwidat minn impenn fir-riċerka u l-iżvilupp, Agrihub kiseb tragwardi sinifikanti fl-insegwiment tiegħu għal agrikoltura aktar sostenibbli u reżiljenti.
Il-pedament tal-proġett beda bi studju li jinkludi l-analiżi tal-letteratura dwar pesti lokali, b’kollaborazzjoni wkoll tal-kompetenza teknika tal-imsieħba tal-proġett, Ciheam Bari u l-MCAST. Dan l-istudju serva bħala bażi sabiex ġew identifiki punti strateġiċi, u ġew stabbiliti s-sisien għal strateġija dwar il-ġlieda kontra l-pesti b’effetti detrimenti fuq l-uċuħ tar-raba’ lokali ewlenin.
Minbarra li twettaq studju dwar l-agrikoltura Maltija, l-Agrihub involva wkoll il-parteċipazzjoni ta’ madwar 400 bidwi fi stħarriġ iddettaljat, u permezz ta’ dan inġabret informazzjoni imprezzabbli dwar prattiċi ta’ kultivazzjoni u esperjenzi diretti mal-pesti. Din ir-riċerka estensiva identifikat il-ħames pesti ewlenin li saru l-iskop ewlieni tal-proġett, u offriet għarfien kruċjali mhux biss għall-monitoraġġ tal-pesti iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ linji gwida għall-ġestjoni integrata tal-pesti.
Wieħed mill-għanjiet prinċipali tal- Agrihub kien li jistabbilixxi netwerk ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ mgħammra b’kapaċitajiet tal-intelliġenza artifiċjali u machine learning. Aktar minn 30 nassa tpoġġew madwar il-gżejjer Maltin, megħjuna minn sejħa għal espressjoni ta’ interess, li ħeġġet il-parteċipazzjoni attiva tal-bdiewa permezz ta’ kumpens ekonomiku.
Il-kollaborazzjoni maċ- CIHEAM Bari fuq dan il-proġett involviet l-użu ta’ ‘remote sensing’ u ritratti bis-satellita biex jiġu identifikati żoni omoġenji ta’ produzzjoni agrikola li huma ta’ influwenza magħrufa għad-dinamika tal-popolazzjoni tal-pesti. Bdiewa magħżula ġew avviċinati wkoll għall-parteċipazzjoni permezz tal-użu tas-sistema tal-IACS. Dan assigura firxa uniformi tan-netwerk ta’ monitoraġġ madwar il-gżejjer Maltin.
Il-bdiewa li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-istudju, bdew iħajru anki lil sħabhom u b’hekk il-parteċipazzjoni attiva tal-bdiewa f’din l-inizjattiva żdiedet maż-żmien.
Lil hinn mill-monitoraġġ tal-pesti, Agrihub kellu l-għan li jbassar il-popolazzjonijiet futuri ta’ dawn l-istess pesti. Dan wassal għall-iżvilupp ta ‘Mudelli ta’ Tbassir ta ‘Pesti, li huma algoritmi li jbassru reazzjonijiet ta’ pesti għall-kundizzjonijiet tat-temp li jiġu rreġistrati. Permezz tal- esperti minn CIHEAM Bari u studju estensiv, ġew maħduma mudelli għal erbgħa mill-ħames pesti ewlenin identifikati.
Il-Pjattaforma tal-mudelli ta’ tbassir tal-pesti saret bil-ħsieb li jibdew jingħataw servizzi ta’ konsulenza mid-Direttorat tal-Agrikoltura permezz tat-taqsima tal- Agriconnect. Din il-pjattaforma tippermetti lill- uffiċjala agrikoli li jinterpretaw ir-riżultati u jfasslu pjan ta’ ġestjoni ta’ ħsara f’konformità mal-Linji Gwida għall-Ġestjoni Integrata tal-Pesti maħruġa mid-Direttorat permezz tal- Agrihub.
Din is-sistema, dalwaqt se tagħti s-setgħa lill-konsulenti ta’ Agriconnect biex jiggwidaw lill-bdiewa dwar l-aħjar strateġiji ta’ protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’, billi jitnaqqas l-użu eċċessiv tal-pestiċidi.
Minn stabbiliment ta’ Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Agrikola, għal passi innovattivi fir-riċerka u t-teknoloġija, l-Agrihub jinsab minn ta’ quddiem, u jwitti t-triq għall-futur tas-settur agrikolu żgħir fil-gżejjer Maltin